Jekk ix-xemx tkun safra bajdanija għall-ħabta ta' nofsinhar, wisq probabbli tagħmel ix-xita filgħaxija.
Meta tidher il-qawsalla waqt il-maltemp ta’ filgħodu turi xita; ta’ filgħaxija bnazzi.
Ix-xita bil-boqoq xita dewwiema.
Ix-xita bil-boqoq tinfiltra fil-ħamrija.
Meta l-ajru jagħmel tiegħu, sal-baħar juri qiegħu.
Il-maltemp tant ikun qawwi li l-baħar mill-qiegħ iqallbu.
Il-Punent itella’ u jniżżel kull mument.
Ir-riħ mill-Punent iġib miegħu x-xita.
Ix-xitwa mara sewwa, is-sajf raġel xalatur.
Fix-xitwa hemm iżjed ġabra d-dar, fis-sajf hemm iżjed ħruġ u divertiment.
Ix-xemx bdiet kiefra u l-gavott ma jdoqqx iżjed fifra.
Proverbju storiku li juri li meta kien ikun ġej il-maltemp, l-ikreh baħri ta' fuq il-vapur (= il-gavott) kien jinżel idoqq il-fifra biex iwissi lil kulħadd. Meta ma kienx jinżel, kien ifisser li l-maltemp għadda.
Ix-xita mill-Punent ma tħallix warajha lment.
Ir-riħ mill-Punent iġib ħafna xita miegħu, u ħadd ma jgorr minnha!
Meta qattus tara f’xi gallarija, għid li ħierġa x-xemx.
Il-qtates iħobbuha s-sħana tax-xemx u jmorru fiha meta toħroġ.
La tibtell l-għetejba toħla l-ilbieba.
Malli tagħmel l-ewwel xita wara sajf twil, jibda jaqleb it-temp u l-ikel jibda jiġina itjeb. Tibtell l-għetejba tfisser li tixxarrab l-għatba tal-bieb, u l-ilbieba hija l-biċċa r-ratba tal-ħobż.
Il-baħar fis-sajf xiħ u fix-xitwa ġuvni.
Il-maltempi fuq il-baħar fis-sajf ikunu ħafna inqas ħorox milli fix-xitwa.
Meta l-Punent u l-Majjistral ikunu bix-xlieqa, kulħadd ikun bid-diqa.
Meta r-riħ ikun ġej mill-Punent jew mill-Majjistral, jagħmel temp ikrah u kulħadd ikollu burdata ħażina. Xlieqa hija dik il-linja sħab fuq l-orizzont.
Meta tkun sena milwiema, il-ħalel tal-ħuxlief ikunu kbar u tal-qamħ ikunu xagħar żgħar.
Meta matul is-sena tagħmel ħafna xita (= tkun milwiema), il-ħuxlief jikber ħafna iżjed iżda l-qamħ ibati daqstant ieħor.
Dak li ġġib fil-qamar, f’ebda kwart ma jkollu sabar.
Dari kienu superstizzjużi u kienu jemmnu li t-tfal li jiġu konċeputi fid-dawl tal-qamar tassew kien jagħtihom tal-qamar!
Ġej il-maltemp jew mill-poppa jew mill-pruwa meta jagħtas il-qattus.
L-annimali jkunu jafu meta jkun ġej il-maltemp għax iħossuh.
Mal-ewwel berqa n-nannu jofqos il-miżwed u n-nanna tlesti l-imserka.
Meta dari kienet tibda d-dieħla l-ħarifa, il-bdiewa kienu jaħsbulu biex jiżirgħu l-ful u l-ħajjata kienu jibdew jinsġu. Il-miżwed jirreferi għall-qoxra tal-ful u l-imserka tirreferi għal parti mill-makkinarju tal-insiġ.
Il-baħar sinjur aktar mill-art.
Il-baħar joffri aktar rikkezzi mill-art.
Meta fl-art jidħol il-gawwi, stenna riħ qawwi.
Meta l-gawwi jidħol jistkenn l-art, sinjal li ġej riħ qawwi.
Mal-ewwel berqa n-nannu jofqos il-miżwed u n-nanna tlesti l-imserka.
Meta dari kienet tibda d-dieħla l-ħarifa, il-bdiewa kienu jaħsbulu biex jiżirgħu l-ful u l-ħajjata kienu jibdew jinsġu. Il-miżwed jirreferi għall-qoxra tal-ful u l-imserka tirreferi għal parti mill-makkinarju tal-insiġ.
Ix-xita bikrija tnebbet il-ġarġir.
Jinbet il-ġarġir meta tagħmel ix-xita bikrija.
Kif jibda jaqa’ l-weraq, jisreġ il-beraq.
Jibda jberraq malli tibda dieħla l-ħarifa. Jisreġ tfisser jixgħel.
L-għerienaq il-maltemp iqanqlilhom il-ġwienaħ.
Meta jagħmel il-maltemp, l-għasafar ibatu.