Il-ħażna ta' sena partikolari ma tintemmx mill-ewwel bis-saħħa tax-xita u x-xemx.
Ix-xemx tar-rebbiegħa tibla’ bħall-belliegħa.
Meta jsaffru l-iġfien ikunu fgaw il-widien.
L-iġfna/iġfien (plural ta' ġifen) kienu jsaffru għall-għajnuna fil-maltemp, bl-istess mod li ħaġa bilfors issir kawża ta' xi ħaġa oħra.
Il-baħar żaqqu ratba u rasu stanga.
M'għandek qatt tieħu sogru mal-baħar għax titqarraq.
Meta fl-art jidħol il-gawwi, stenna riħ qawwi.
Meta l-gawwi jidħol jistkenn l-art, sinjal li ġej riħ qawwi.
Il-Milied taż-żina, il-Għid fil-kċina.
Jekk jagħmel temp sabiħ fil-Milied, għid li fl-Għid se jkollna eżatt il-kontra. Żina tfisser bnazzi.
It-temp tal-Punent ksir il-għajn kull mument.
Ir-riħ ikun mill-Punent iġib ħafna sħab.
Ix-xita bil-boqoq xita dewwiema.
Ix-xita bil-boqoq tinfiltra fil-ħamrija.
Meta jitbierek ir-riħ, in-nies jerfgħu l-ġieħ.
Dari kien hemm l-obbligu li min hu Nisrani jitqarben tal-inqas darba f'sena, fi żmien l-Għid il-Kbir, u dan jinzerta l-istess żmien li fih jitbierek ir-riħ.
Il-baħar duqu qabel ma titla’ fuqu.
Ara li l-ħajja fuq il-baħar tgħodd għalik qabel ma tiddeċiedi.
Fis-sajf zokk jitimgħek u blata traqqdek.
Fis-sajf il-frott ikun abbundanti u s-sħana tħallik torqod fil-miftuħ.
Ħmura ta’ filgħaxija lesti ż-żwiemel għat-tiġrija.
Il-ħmura ta' filgħaxija huwa sinjal li ġej temp sabiħ.
Meta qattus tara f’xi gallarija, għid li ħierġa x-xemx.
Il-qtates iħobbuha s-sħana tax-xemx u jmorru fiha meta toħroġ.
Il-beraq fil-Lbiċ ix-xita jġib.
Meta jberraq fil-Lbiċ tagħmel ix-xita.
F’sena milwiema l-ħuxlief bil-ħalel kbar u l-qamħ bi sbuliet żgħar.
Ħafna xita mhix tajba għall-qamħ, u minflok jikber iżjed il-ħuxlief. Milwiema tfisser b'ħafna ilma.
Il-baħar sinjur aktar mill-art.
Il-baħar joffri aktar rikkezzi mill-art.
Meta l-ajru jagħmel tiegħu, sal-baħar juri qiegħu.
Il-maltemp tant ikun qawwi li l-baħar mill-qiegħ iqallbu.
Il-Punent iwiegħed u jagħti.
Ir-riħ mill-Punent iġib miegħu x-xita.
Daħqa bżonjuża daqs ix-xemx.
Tajjeb li nkunu kuntenti u nidħqu daħqa.
L-ajru akbar mit-tajra.
Hemm sitwazzjonijiet li ma tistax tikkontrolla, għax huma ferm ikbar minnek.
Meta l-Punent u l-Majjistral ikunu bix-xlieqa, kulħadd ikun bid-diqa.
Meta r-riħ ikun ġej mill-Punent jew mill-Majjistral, jagħmel temp ikrah u kulħadd ikollu burdata ħażina. Xlieqa hija dik il-linja sħab fuq l-orizzont.
Ir-riħ tax-xirokku jġiegħel lill-ernjużi jdoqqu.
Ir-riħ mix-Xlokk ma jagħmilx ġid lil dawk li jkunu morda bl-ernja (= il-bażwa). Idoqqu fis-sens ta' jilmentaw.