Agħti widen lill-anzjani, il-pariri tagħhom imsejsa fuq l-esperjenza tal-ħajja.
Kategorija: ix-xjuħija
Il-parir tax-xiħ żomm fih.
Agħti widen lill-anzjani, il-pariri tagħhom imsejsa fuq l-esperjenza tal-ħajja.
Il-logħob għat-tfal u l-ħatar għax-xiħ.
Kull fażi tal-ħajja għandha tagħha, meta nkunu tfal narmu s-saħħa nilagħbu u meta nixjieħu mmajnaw. Ħatar huwa bastun.
L-għaġuża f’nofs ir-Randan tinqasam.
Skont l-għajdut folkloristiku, f’nofsinhar tat-tieni Ħamis tal-ġimgħa tar-Randan, l-ixjeħ mara tar-raħal (= l-għaġuża) kienet tintefa’ mill-kampnar tal-knisja għal isfel.
Għax-xiħa taħdit u l-imgħażel.
Dari n-nisa xjuħ ma kellhomx biex jedhew ħlief fil-paroli u fl-insiġ. L-imgħażel huwa għodda għall-insiġ.
Għalhekk l-għaġuża ma tridx tmut, għax aktar ma tikber iżjed titgħallem.
M’hemmx età għat-tagħlim. Għaġuża hija mara xiħa.
Għaddew is-snin minn fuqek, issa fik jirgħa l-bebbux.
Is-sbuħija ta’ meta tkun għadek żagħżugħ(a) mhix eterna, irridu nixjieħu u nikriehu.
Frotta misjura ruħha fi snienha.
Bħal frotta misjura li tkun waslet biex titħassar, il-ħajja tax-xiħ tkun waslet fl-aħħar.
Faddal għal meta tixjieħ.
Faddal il-flus biex la tirtira ssibhom.
F’mewt ix-xiħ flok biki jkun hemm żfin.
Il-werrieta tax-xiħ, minflok jibkuh, jifirħu għaliex ser jirtuh.
F’mewt ix-xiħ bħal fi dbiħ il-ħanżir; il-werrieta ferħana se jtiru.
Il-werrieta tax-xiħ, minflok jibkuh, jifirħu għaliex ser jirtuh. Dbiħ tfisser qtil.
Darbtejn insiru tfal.
Meta tixjieħ u titlef saħħtek tispiċċa tiddependi fuq ħaddieħor, bħat-tfal.
Dak li f’qalb ix-xiħ iredden bih.
L-anzjani taqbadhom ħafna nostalġija meta jiftakru fl-imgħoddi, għalhekk dejjem isemmuh.
Biż-żmien issir iż-żorba.
Biż-żmien nixjieħu u nitilfu saħħitna.
Agħar hu minn zokk tal-fiġel li aktar ma jikber aktar jixraf.
Aktar ma jixjieħ, aktar imur għall-agħar.
Tifel, żagħżugħ jew xiħ, id-dinja xorta ddur għalih.
L-irġiel ħajjithom kollha iżjed liberi min-nisa.
Aħjar xiħ u għaref milli żagħżugħ u iblah.
Aħjar tiżżewweġ raġel matur b’esperjenza tal-ħajja minn wieħed għadu żagħżugħ u iblah.
F’Jannar ix-xiħ jew fis-sodda jew l-isptar.
Il-kesħa u l-mard ta’ Jannar jagħtu kedda lix-xjuħ.