Ħadd ma joqgħod ma’ ħadd.
Kulħadd daru jfittex.
Ħadd ma jara isbaħ minn uliedu.
Il-ġenituri dejjem jaħsbu li wliedhom huma aħjar minn ta' ħaddieħor.
Ġaħan beda minn qrabatu.
L-ewwel tagħlim dwar x'inhu tajjeb u ħażin mid-dar tieħdu.
Fuq il-binnija tidden is-sriedeq; kull ma tagħmel turix lil uliedek.
L-affarijiet u l-kwistjonijiet ta' bejn il-ġenituri m'għandhomx isiru jafu bihom it-tfal. Il-binnija hija bejta tat-tiġieġa.
Fuq il-binnija jidden is-serduq.
Il-kumdità u s-serħan ta' darek ma ssibhom imkien iżjed. Il-binnija hija bejta tat-tiġieġa.
Fost l-aħwa min bil-palju u min ikarkar ix-xatba.
L-aħwa kollha għandhom karattru differenti u kollha jsibu triq differenti.
Fortuna fit-treġija tad-dar, l-aħjar fortuna.
Min isib lil xi ħadd li kapaċi jmexxi d-dar, ikun xortih tajba ħafna.
Fil-ħarifa l-mara timla l-qaleb bil-ġbejna u tħawwad il-brejma bin-nejna.
Il-mara tad-dar għandha ħafna xogħol kemm fid-dar kif ukoll fit-trobbija tat-tfal. Il-brejma tirreferi għal skutella u n-nejna hija kelma tat-tfal għal ikel.
Id-dar kollox jixtamba, sal-irmied tal-kenur.
M'għandekx tarmi bl-addoċċ għax forsi tiġi bżonnu fil-futur. Jixtamba tfisser li huwa bżonjuż.
Fiċ-ċokon ajma rasi u fil-kobor ajma qalbi.
It-tfal iweġġgħulek rasek meta jkunu żgħar u jweġġgħulek qalbek meta jkunu kbar.
Ferħan jew għajjien, tmur id-dar biex tħossok hieni.
L-ebda post mhu sabiħ daqs il-ġabra ta' darek.
Fejn jieklu erbgħa jieklu ħamsa.
Meta tkun familja kbira, l-ikel ikun ħafna u jista' jiekol anke wieħed ieħor.
F’daru kulħadd sultan.
F'darek għandek id-dritt tkun komdu bla ndħil.
F’daru kulħadd jagħmel li jrid.
F'darek għandek id-dritt tkun komdu bla ndħil.
F’dar in-nies la tiftaħ bieb u la taqra ktieb.
F'dar ħaddieħor ma tistax taqbad u tagħmel li trid.
F’dar il-għażżien kollox jibki.
Min hu għażżien ikollu l-ħmieġ u d-diżorganizzazzjoni f'daru.
Dari dari u darek darek; mieli mieli u mielek mielek.
Kulħadd jieħu ħsieb dak li hu tiegħu u għandu jagħmel l-istess b'ta' ħaddieħor.
Dar żgħira, qalb kbira.
Kemm hi kbira qalbek iżjed importanti minn hi kbira darek.
Dar il-għażżien tistgħalla l-brimba.
Min hu għażżien u ma jnaddafx ikollu l-ħmieġ fid-dar. Tistgħalla jiġifieri tgawdi.
Dar ħdejn il-baħar trid għaxra r-raħal.
Dar ħdejn il-baħar fiha iżda preġju minn dar li ma tkunx.
Dar ġdida ikriha lill-għadu tiegħek.
Trid ħafna flus biex timla dar ġdida.
Dar b’żewġ nisa maħmuġa.
Id-dar titmexxa minn mara waħda.
Borom żgħar għandhom widnejn kbar.
Dak kollu li t-tfal jisimgħu jmorru jgħiduh.
Bl-ulied kollha jaqilgħu xi sold, il-missier jista’ jibni fil-fond.
Il-paga tal-ulied isservi wkoll għall-familji li jbatu finanzjarjament.
Bin it-tifla tilqgħu f’ħiġrek u bin it-tifel tagħtih b’riġlek.
Xi nanniet juru preferenzi bejn in-neputijiet.
Biex trabbi tajjeb ibża’ dejjem.
Fit-trobbija tat-tfal trid tkun moħħok hemm sabiex jitilgħu sew.
Biex l-imdanna toqgħod mal-kenna d-dar trid tkun ġenna.
Il-kunjata (l-imdanna) u l-kenna (mart binha) ma jinħamlux.
Bħal min tisilfu, min iżżiegħel bih titilfu.
Meta żżiegħel wisq bit-tfal titlifhom, bħal meta tislef oġġett.
Bewsa tan-nanna ħelwa manna, bewsa ta’ missier iżżommok ilsir.
Il-missier dejjem iġib sudizzjoni mill-membri l-oħrajn tal-familja.
Bejta li tgħajjex fiha dellilha u sewwiha.
Dejjem għandek tieħu ħsieb darek.
Barrani jgħallik, ġewwieni jixwik.
Aktar faċli taħfer lil xi ħadd tal-familja minn xi ħadd barrani.
Li kont ħabbejtni, kieku mill-bajda raddajtni.
Jeħtieġ li t-tfal tikkoreġihom minn ċkunithom. F’dan il-qawl, il-ħalliel adult qed iċanfar lil wieħed mill-ġenituri tiegħu talli m’għamilx dan. Raddajtni tfisser begħidtni.
Ara bint min hi u ngħidlek min hi.
It-tfal jitilgħu skont it-trobbija tagħhom.
Aħjar imreddgħa Qormija minn waħda Żebbuġija.
Storikament il-kolera kienet laqtet lil Ħaż-Żebbuġ agħar minn Ħal Qormi, u allura l-imreddgħa (mara li kienet tredda' lit-tarbija minflok l-omm) minn Ħal Qormi kienu iżjed mixtieqa.
Tifel li jħobb jittarraf stennieh jiġġarraf.
It-tfal li ma jibżgħux mill-periklu xi darba jweġġgħu.
Tifel imhejjem ftit tieħu minnu.
It-tfal imfissdin jaħsbu fihom infushom biss.
Il-fsied iħassar l-ulied.
It-tfal imfissdin jaħsbu fihom infushom biss.
In-nuqqasijiet tal-missier jibqa’ jxandarhom it-trumbettier.
L-omm mhix kapaċi taħfer in-nuqqasijiet tal-missier, tibqa' ssemmihomlu.
It-tfal xogħol tal-ħmar.
Kulħadd jaf jagħmel it-tfal, iżda mhux kulħadd jaf irabbihom sew.
It-tfal tħalltek ma’ min ma tixtieqx.
M'għandekx kontroll fuq min jiżżewġu wliedek - jaf ikollok titħallat ma' familja li ma ddoqqlokx.
It-tfal, tfal ifittxu.
It-tfal ma' tfal oħra jridu jilagħbu, ma jimpurtahomx mill-ħajja tal-adulti.
It-tfal tfal.
M'għandekx tistenna żżejjed mit-tfal.
It-tfal jikxfu l-għawar.
It-tfal wisq innoċenti u jikxfu ħafna sigrieti.
It-tfal iż-żgħar uġigħ ta’ ras; it-tfal il-kbar uġigħ il-qalb.
Meta t-tfal ikunu żgħar iweġġgħulek rasek bl-għajat, iżda meta jikbru jweġġgħulek qalbek b'azzjonithom.
It-tfal iqegħduk wiċċek ‘l isfel.
It-trobbija tat-tfal tbatija.
It-tfal ikilhom ġbara u lbieshom ħsara.
Biex titma' u tlibbes lit-tfal trid ħafna flus.
It-tfal ħobbhom u turihomx.
Id-dixxiplina turi mħabba għat-tfal.
It-tfal bħall-ħabaq, jimirdu u jfiqu malajr.
It-tfal jimirdu spiss imma malajr jgħaddilhom.
It-tfal bħall-flieles, inaqqru dejjem.
Tfal f'saħħithom jiftħu l-aptit u jieklu l-ħin kollu.
L-ulied jekk ma jinħabbux ma jitrabbux.
L-imħabba fit-trobbija hija essenzjali għat-tfal.
L-ulied huma biċċa mill-qalb.
L-ulied dejjem jibqgħu f'qalb il-ġenituri tagħhom, anke meta joħorġu mid-dar.
L-omm mhux talli twieled imma għal kull ħolqien tiġġieled.
L-omm tbati mhux biss biex iġġib it-tfal fid-dinja, iżda wkoll biex trabbihom u saħansitra meta jsiru adulti.
L-omm il-madmad tal-ulied.
Hija l-omm li tidderieġi lil uliedha.
L-omm basla, il-missier tewma, it-tifla kif tkun tfuħ?
L-ulied jitilgħu skont kif irabbuhom il-ġenituri.
Aħjar tiġġieled m’ommok milli mal-ġar.
Ma' tal-familja l-affarijiet jitranġaw malajr, mal-ġirien mhux daqshekk, anzi jkollok tibqa' sseffaq wiċċek magħhom.
Aħjar tifel il-ħabs minn tifla soru.
Dari ma kinux jistgħu joħorġu minn soru. Tifel li jmur il-ħabs xi darba joħroġ, iżda tifla qatt ma terġa' lura.
It-tfal jiġbru d-dar.
It-tfal jimlew id-dar.
Aħjar ġara fil-qrib minn ommok bgħid.
Meta tiġi bżonn, il-ġirien ġieli ssibhom iżjed minn ommok.
Aħjar fwiedi minn uliedi.
Bniedem li jaħseb fih innifsu biss, anke lil uliedu jinsa.
Tfal u bhejjem għali dejjem.
Dari l-familji kienu jbatu mhux biss biex irabbu l-bhejjem, iżda wkoll it-tfal.
L-omm għal uliedha giddieba u ħalliela.
L-omm minn kollox lesta tagħmel għal uliedha.
Tiġieġa miblula mhix tajba għal qroqqa.
Min hu għażżien aħjar ma jiżżewweġ xejn, għax tbati l-familja kollha.