Ħadd wara Ħadd, fl-aħħar tasal ta’ kulħadd.
Il-mewt lil ħadd ma taħfirha, xi darba tasal.
Ħadd m’hu għal hawn.
Ħadd ma jgħix għal dejjem.
Ħadd ma miet u ġie.
Ħadd ma miet u reġa' lura.
Ħadd ma mar u ġie.
Ħadd ma miet u reġa' lura.
Għasfur li daħal f’xibka qawwi li joħroġ minnha.
Fejn hemm il-ħajja għad hemm it-tama li l-affarijiet jitranġaw.
Għasfur li daħal fix-xibka għadu qawwi sa ma jibqa’.
Fejn hemm il-ħajja għad hemm it-tama li l-affarijiet jitranġaw.
Għal min għandu jmut bil-forka m’hemmx barrakka għalih.
Id-destin ma tistax taħrab minnu.
Għal min għandu jmut bil-pesta m’hemmx barrakka għalih.
Id-destin ma tistax taħrab minnu.
Għada ħadd ma rah.
Gawdi l-ħajja llum għax fil-futur ma tafx x'hemm jistenniek.
Għabra u riħ li għandek hawn tħallih.
Wara mewtek kollox warajk tħalli, xejn ma tieħu miegħek.
Gawdi għax mid-dinja m’għandna xejn.
Ħu pjaċir bil-ħajja u għix kuntent, għax il-ħajja qasira u magħna m'aħna ser nieħdu xejn.
Ftakar x’kont u x’sejjer tkun u malajr tneħħi l-geddum.
Apprezza l-fatt li għadek ħaj u ħallik milli tagħmel id-dwejjaq.
Fittxu ħuduh ‘il barra ħalli naqsmu dak li ħalla.
Il-werrieta ta' min għandu l-flus, minflok jibkuh, jifirħu għaliex ser jirtuh.
F’mewt ix-xiħ flok biki jkun hemm żfin.
Il-werrieta tax-xiħ, minflok jibkuh, jifirħu għaliex ser jirtuh.
F’mewt ix-xiħ bħal fi dbiħ il-ħanżir; il-werrieta ferħana se jtiru.
Il-werrieta tax-xiħ, minflok jibkuh, jifirħu għaliex ser jirtuh. Dbiħ tfisser qtil.
Dejjem inaża u qatt ma jmut.
Xiħ u marid, safrattant għadu ħaj. Inaża tfisser muġugħ.
Darba mmutu.
Agħmel dak li tista' għax ħajja waħda għandek.
Bena u għalla, mar u ħalla.
Wara l-mewt, ikollok kemm ikollok trid tħallih warajk.
B’għalja ġġedded ħajtek u b’għalja tmut.
Id-dispjaċir jew itawwallek ħajtek jew joqtlok.
Aktar ma nikbru, aktar noqorbu.
Aktar ma jgħaddi ż-żmien, aktar noqorbu lejn il-mewt.
Aħna lkoll għal ġol-ħofra.
Il-mewt ma jaħrabha ħadd.
Tiknisx billejl biex ma teqridx l-ewwieħ it-tajba.
Superstizzjoni ta' dari fejn kienu jemmnu li jekk tiknes billejl iġġib il-mewt fil-familja.
Aħjar is-safar mill-qabar.
Aħjar tkun taf li persuna ma tistax taraha għax siefret milli għax mietet.
Il-mewt mixtieqa taqbeż mit-tieqa.
Aktar kemm tkun tixtieq lil xi ħadd mejjet, aktar idum ma jmut.
Il-mejjet joħroġ u s-sabar jidħol.
Wara mewtek, ħaddieħor jibda jinsiek bil-mod il-mod.
Il-mejjet jitherra u l-ħsara tidderra.
Wara mewtek, ħaddieħor jibda jinsiek bil-mod il-mod.
Il-mewt ma tarax, għalhekk ma tinsatarx.
Kulħadd indaqs f’għajnejn il-mewt.
Il-mewt ma taħfirha lil ħadd.
Il-mewt ma jiskansaha ħadd, u turina li m’aħniex għal dejjem.
Il-mewt ma ġġib rispett lil ħadd.
Il-mewt ma jiskansaha ħadd, u turina li m’aħniex għal dejjem.
Il-mewt lil kulħadd tqiegħdu f’postu.
Il-mewt ma jiskansaha ħadd, u turina li m’aħniex għal dejjem.
Il-mewt ħadd ma jsib tarfha.
Il-mewt ma jiskansaha ħadd, u turina li m’aħniex għal dejjem.
Il-mewt dejjem b’xi għilla.
Il-mewt tiġi wkoll minħabba l-mard. Għilla tfisser marda.
Il-mewt beża’ minnha Alla, aħseb u ara aħna.
Anke Ġesù beża’ mill-mewt.
Il-mejtin m’għandekx xi tridhom.
Tgħidx affarijiet ħżiena fuq il-mejtin.
Il-mewt ma tinxtarax.
Kulħadd irid imut, sinjur u fqir.
Il-mejjet ras ma’ ras u l-ħaj irid l-għarras.
Sakemm għadek ħaj, aħseb fil-ħajja.
Il-mejjet mal-mejjet u l-ħaj mal-ħaj.
Sakemm għadek ħaj, aħseb fil-ħajja.
Il-mejjet mal-mejjet u l-ħaj madwar l-imwejjed.
Sakemm għadek ħaj, aħseb fil-ħajja.
U la l-mewt li sserraħ u la l-qawwa li tferraħ.
Jasal punt fejn il-marid ikun ta’ piż mhux biss fuqu nnifsu, iżda fuq ta’ madwaru wkoll.
Il-mewt isserraħ u l-qawwa tferraħ.
La mmutu neħilsu mit-tbatija, imma sakemm jasal dak il-mument jeħtieġ ingawdu l-ħajja.
B’riħ jew riefnu minn hawn għandna nsiefru.
Xi darba jew oħra rridu mmutu.
B’riħ jew riefnu minn hawn irridu nsiefru.
Xi darba jew oħra rridu mmutu.
Tiġieġa tal-furmarija jekk ma jmisshiex filgħodu, jmissha filgħaxija.
Kulħadd irid imut xi darba jew oħra. Il-furmarija tfisser l-isptar.