Meta tagħmel azzjoni ħażina ripetutament, tasal dik id-darba fejn jaqbduk.
M’hemmx warda bla xewk.
Meta l-laħam hu ħażin, agħar jiġi l-brodu.
Mill-affarijiet il-ħżiena joħorġu affarijiet agħar.
Li kieku x-xuxa kienet żina ma tinbitx f’xaqqet it-tina.
Min huwa fartas m'għandux għalfejn iħossu ħażin ħdejn min għad għandu xagħru (= ix-xuxa), wara kollox is-suf kullimkien jikber, anke fix-xaqq tal-warrani (= it-tina).
Min jagħmel il-ħsara jħallas għaliha.
Min jagħmel il-ħsara jeħtieġ li jpatti tal-ħażin li jkun għamel.
Min hu mweġġa’ jokrob.
Kulħadd għandu raġuni għaliex jilmenta.
Kulħadd b’xi ħaġa.
Kulħadd għandu t-taqbida tiegħu fil-ħajja, min ħaġa u min oħra.
Mar biex ikittef u ħareġ imnittef.
Il-ħsara li pprova jagħmel lil ħaddieħor ġiet fuqu.
Id-dinja gaġġa tal-imġienen.
Fid-dinja l-loġika mhix ħaġa ovvja.
It-tajjeb kulħadd jaf jarah.
Kulħadd kapaċi jagħraf x'inhu tajjeb.
Fid-dinja tagħmel il-ġid u jisfalek deni.
Mhux kulħadd japprezza l-ġid li tagħmel.
Miġja ta’ nutar, tajjeb jew ħażin, iġġib l-aħbar.
Dari n-nutar kien imur fid-dar tan-nies, u l-miġja tiegħu kienet tkun tfisser li ser jiġri xi ħaġa kbira, bħal xi wirt, testment, kuntratt, eċċ.
Min jagħmillek id-deni agħmillu l-ġid.
Azzjoni ħażina pattiha b'azzjoni tajba.
It-tajjeb ħallas għalih.
Jeħtieġ li tħallas il-flus jekk trid il-kwalità.
Il-brikkun ma jurix fiex inhu.
Min ikun f'sitwazzjoni ħażina ma jmurx jinkixef ma' ħaddieħor.
Min jisraq bajda jaf jisraq tiġieġa.
Min jagħmel ftit ħsara, imbagħad jagħmel ħsara akbar.
Kulħadd tad-demm u l-laħam.
Kulħadd jista' jieħu żball għax kulħadd bniedem.
Min jeqleq żejjed fl-aħħar isibha xortih.
Min qatt ma jikkuntenta b'xejn sa fl-aħħar tasal xi ħaġa li togħġbu. Jeqleq tfisser jilmenta.
Kulħadd jieħu li ħaqqu.
Meta tagħmel xi ħaġa ħażina, trid tkun lest tbati l-konsegwenzi.
Lill-ħażin agħtih biċċa minn dejlek u erħilu jmur.
Aħrab il-ħażin u lil min jaqla' l-inkwiet. Dejlek tfisser id-dublett tiegħek.
F’waqtha raqqagħha jekk ma tridx terġa’ taqtagħha.
Jekk saret xi ħsara pprova sewwiha mill-ewwel biex ma tkomplix tikber.
Il-ħmar il-magħlub iliegħeb.
Aktar kemm tkun f’sitwazzjoni diffiċli, aktar il-ħajja ttik mill-agħar.