Meta żżomm ġo fik, fl-aħħar tispiċċa biex tinfaqa'.
Kull baħar jipplaka.
L-azzjoni ta’ min jagħmilha, mhux ta’ min jirċeviha.
Azzjoni ħażina tirrifletti ħażin fuq l-aggressur mhux fuq il-vittma.
Aħjar hekk inkella agħar.
Aħjar nieħdu paċenzja bil-ħażin li ġara, dejjem setgħet ġiet agħar.
Dejjem ħares lejn min hu agħar minnek.
Ikkonsla, żgur hemm xi ħadd li f'ħajtu l-affarijiet sejrin agħar.
L-għadu tih biċċa minn dejlek ħa jitlaq bih.
Żomm 'il bogħod min-nies ħżiena. Dejlek tfisser ħwejġek f'dan il-każ.
Id-dinja tal-brikkun.
Fid-dinja n-nies ħżiena jirnexxu iżjed min-nies twajba.
Konna aħjar meta konna agħar.
Mingħalina li l-affarijiet kienu se jmorru għall-aħjar, imma minflok marru għall-agħar.
Aħseb il-ħażin biex it-tajjeb ma jonqosx.
Tafdax iżżejjed u ma titqarraqx.
Jeħtieġ teħodha kif tiġi.
Aċċetta li fil-ħajja mhux kollox imur tajjeb u kif tixtieq.
Il-bniedem mogħti għall-ħażen.
Il-bniedem jattirah il-ħażin.
Bagħal magħlub ibelgħen.
Aktar ma l-affarijiet jibdew ġejjin ħażin, aktar ikollok xortik ħażina.
L-aħbar ħażina tasal malajr.
Aħbar ħażina kulħadd isir jaf biha malajr.
Armi l-ħażin u żomm it-tajjeb.
Qis li dejjem tagħżel l-aħjar.
Kulħadd tiġi sigħetu.
Kulħadd għad ipatti tal-ħażin kollu li jkun għamel.
Mill-ħażin tistenniex li joħroġ it-tajjeb.
Mingħand min hu azzjonitu ħażina tistenniex mod ieħor.
Lil min toqgħodlu jgħabbik.
Qis li tieqaf lil min jipprova jagħmel li jrid bik.
Din id-dinja għall-imxuma.
Fid-dinja trid taċċetta li hawn ħafna ħażin u dwejjaq. Imxuma tfisser dwejjaq.
Il-qattus iħobb bil-għama u l-kelb bix-xaba’.
Il-qtates juru mħabba lejn sidhom b'mod differenti mill-klieb.
Min hu mgħaġġel jaqbillu jistenna.
Meta tieħu deċiżjonijiet bl-għaġla ma tkunx ħsibtha sew u tispiċċa tagħmel l-għażla l-ħażina.
Ħaxix ħażin aħarqu.
Il-ħażin eħles minnu akkost ta' kollox u oqtlu mill-għeruq.
Ftit u tajjeb aħjar minn ħafna u ħażin.
Aħjar dak li għandu jsir, isir bil-mod u tajjeb.