Min jaf li għandu tort jipprova jaħbi l-ħażin li għamel akkost ta' kollox.
Iżżarma knisja biex tarma oħra.
It-tajjeb jidneb seba’ darbiet.
Kulħadd jiżbalja, anke n-nies twajba.
Aħseb dejjem li l-hemm li temm lil ġarek jista’ jidħol f’darek.
M'intix speċjali, dak li jiġri lil ħaddieħor jista' faċilment jiġri lilek.
Aktar tmut in-nies bix-xaba’ milli bil-ġuħ.
Iż-żejjed jagħmel ħsara daqs in-nieqes.
M’hemmx ħelu mingħajr morr.
Mingħajr l-ikrah tal-ħajja m'hemmx is-sabiħ.
L-azzjoni ta’ min jagħmilha, mhux ta’ min jirċeviha.
Azzjoni ħażina tirrifletti ħażin fuq l-aggressur mhux fuq il-vittma.
Id-dinja gaġġa tal-imġienen.
Fid-dinja l-loġika mhix ħaġa ovvja.
Ħadd mhu kuntent b’xortih.
Qatt m'aħna kuntenti b'dak li għandna, dejjem irridu iżjed.
Kull min jintreħa jittieħed.
Min ma jiħux ħsieb biex jagħmel it-tajjeb jispiċċa jitkaxkar mill-ħażin.
Imxi sewwa u ħalli l-baħar iħabbat.
Meta tagħmel it-tajjeb, jiġri x'jiġri jkollok il-kuxjenza nadifa.
Id-dinja tal-brikkun.
Fid-dinja n-nies ħżiena jirnexxu iżjed min-nies twajba.
Lil kulħadd tiġi sigħetu.
Kulħadd irid iwieġeb għat-tajjeb u l-ħażin kollu li jkun għamel.
Malti tajjeb aħarqu, aħseb u ara ħażin.
L-Għawdxin ma jafdawhomx lill-Maltin.
Ħudha la ġietek għax jekk tħalliha jibdielek.
Meta tkun xortik tajba, kun kuntent u gawdiha għax ma tafx meta ser terġa' tiġi.
Jekk tmiss ħwejġek ma’ ħwejjiġha, jew sentejn jew tiżżewwiġha.
Tagħmel x'tagħmel se teħilha. Sentejn tfisser sentejn ħabs.
Kull qaħba għandha ‘l Ġakka.
Meta ssir xi azzjoni ħażina, dejjem ikun hemm xi ħadd kompliċi (= Ġakka).
Kull ħelu fih il-morr.
Ma jistax ikun ikun hemm is-sabiħ mingħajr l-ikrah.
Min imur ikittef joħroġ imnittef.
Min jagħmel il-ħażin lil ħaddieħor, dak l-istess ħażin jiġi fuqu.
Il-ħell u ż-żina ma jdumux fil-ħabi sena.
Min jisraq jew jiżni malajr jinqabad. Ħell tfisser serq.
Din id-dinja għall-imxuma.
Fid-dinja trid taċċetta li hawn ħafna ħażin u dwejjaq. Imxuma tfisser dwejjaq.
L-ewwel ma tiekol l-għajn.
L-ewwel ma ninnutaw hija d-dehra esterna tal-affarijiet, mela agħti kasha wkoll.