Ħadd ħliefek ma jkun jaf eżatt x'qed tħoss meta tkun marid, u jekk tkunx qed tfiq.
Ħawsla tajba, ġewnaħ miksur.
Aħjar f’aptitek inkella b’tabibek.
Meta tkun f’saħħtek tkun f’aptitek.
Jekk ikun baqa’ żejt fil-lampa, jerġa’ l-marid.
Min ikun marid ifiq jekk ikun għad fadallu x'jgħix, bħal-lampa li tkompli ddawwal dment li jkun għad hemm iż-żejt fiha.
Il-mard irid iż-żmien u d-duwa.
Meta timrad għandek tieħu paċenzja u tagħtih ċans jgħaddilek, waqt li tieħu l-mediċini (duwa) li hemm bżonn.
Il-mard ħallih jitqalleb.
Min hu marid ħallih jesprimi d-diqa tiegħu.
Il-mard ikerrah u jbellah.
Il-mard jaffettwana fiżikament u mentalment.
Il-marda li wieħed l-aktar jibża’ minnha x’aktarx imut biha.
Hemm min tant jibża' minn xi marda li jistħajjilha qabditu tassew.
Kif tagħlaq iċ-ċinkwanta, ix-xitan jibda jittanta.
Malli tagħlaq ħamsin sena, jibda ġej ħafna mard.
Min ikun muġugħ jokrob.
Kulħadd għandu raġuni għaliex jilmenta.
Kull marid għandu d-duwa tiegħu.
Kull problema għandha bżonn soluzzjoni partikolari.
Il-maħsus u l-imdejjaq ħajrhom batal.
Min jitlef saħħtu ma jkunx jista' jgawdi l-ħajja. Maħsus tfisser marid.
Il-kotra għal-Lazzarett, u mhux ħlief tara xi katalett.
Fi żmien il-kolera, kienu mardu ħafna nies biha u ttieħdu l-Lazzarett. Katalett kien karru li fl-antik kienu jinġarru fih il-morda u l-mejtin.
Il-ħsieb jaf jifni u jtemm il-bniedem.
Il-ħafna inkwiet tieħdu minn saħħtek u joqtlok.
Il-mard Alla jibagħtu.
Dari kienu jemmnu li Alla jibgħat il-mard biex napprezzaw iżjed is-saħħa.
Il-fellieħ jobgħod is-sellieħ.
Min huwa b'saħħtu (fellieħ = wieħed li jiflaħ) ma jistax għal min huwa dgħajjef u marid (sellieħ = wieħed marid).
Il-marid kollox idejqu.
Min hu marid ikun wisq iffukat fuq id-dwejjaq tiegħu.
Il-bażwi jkun jaf x’riħ hu.
Dari kienu jemmnu li l-morda kienu jħossu r-riħ idur.
Aħjar tħallas lill-furnar milli lit-tabib.
Dejjem aħjar tonfoq flusek fl-ikel milli biex tmur għand it-tabib.
Il-marid jgħid ajma.
Min hu marid ħallih jesprimi d-diqa tiegħu.
Min imut jistrieħ u jserraħ.
Persuna tistrieħ f'mewtha u sserraħ lil dawk ta' madwarha li kellhom iduru biha.
Jekk ikun baqa’ żejt fil-lampa, jerġa’ l-marid.
Min ikun marid ifiq jekk ikun għad fadallu x'jgħix, bħal-lampa li tkompli ddawwal dment li jkun għad hemm iż-żejt fiha.