Jekk titlef il-flus, dejjem tista’ terġa’ taħdem għalihom sakemm għandek saħħtek.
Għajnejn morda ma jridux dawl.
Il-kotra għal-Lazzarett, u mhux ħlief tara xi katalett.
Fi żmien il-kolera, kienu mardu ħafna nies biha u ttieħdu l-Lazzarett. Katalett kien karru li fl-antik kienu jinġarru fih il-morda u l-mejtin.
Kif tagħlaq iċ-ċinkwanta, ix-xitan jibda jittanta.
Malli tagħlaq ħamsin sena, jibda ġej ħafna mard.
Il-ħsieb jaf jifni u jtemm il-bniedem.
Il-ħafna inkwiet tieħdu minn saħħtek u joqtlok.
Il-bażwi jkun jaf x’riħ hu.
Dari kienu jemmnu li l-morda kienu jħossu r-riħ idur.
Aħjar f’aptitek inkella b’tabibek.
Meta tkun f’saħħtek tkun f’aptitek.
Il-bassas is-sogħla jonqsu.
Min ikun marid ikun diġà dgħajjef ħafna u bħal xejn jirkadi jew imur għall-agħar.
Il-marid jgħid ajma.
Min hu marid ħallih jesprimi d-diqa tiegħu.
Kull marid għandu d-duwa tiegħu.
Kull problema għandha bżonn soluzzjoni partikolari.
Min għandu l-uġigħ ibati bl-irjieħ.
Min ikun marid ikun ibati iżjed bil-burdati (= l-irjieħ).
Meta l-marda tkun magħrufa, nofs il-kura lesta.
Meta tidentifika l-marda, tkun taf kif għandek tfejjaqha.
L-agħar uġigħ tar-ras, tad-dras u tal-ħlas.
L-agħar uġigħ li tista' tħoss huwa tar-ras, tas-snien u tal-ħlas.
Id-duwa mhix xuwa.
Biex tfiq ikollok tieħu l-mediċina.
Imur il-ġid u l-ġidejn u tibqa’ l-ħidma tal-idejn.
Sakemm ikollok saħħtek, ma jkun ġara xejn jekk titlef ġidek kollu. Tista' terġa' tibda mill-bidu u taħdem għalih. Ġidejn tfisser ġid kbir.
Il-ħsieb jaf jifni u jtemm il-bniedem.
Il-ħafna inkwiet tieħdu minn saħħtek u joqtlok.
Il-mard ħallih jitqalleb.
Min hu marid ħallih jesprimi d-diqa tiegħu.
Ir-roqgħa u d-duwa fil-waqt tajbin.
Għandek traqqa' biċċa ħwejjeġ u tieħu l-mediċina fil-pront, għax wara jkun tard wisq.
Fejn tidħol ix-xemx ma jidħolx it-tabib.
Ix-xemx tagħtik is-saħħa u tbiegħed il-mard.
Il-bniedem ma jgħixx bil-ħobż biss.
Il-bniedem għandu bżonn jitma' mhux biss ġismu iżda anke ruħu biex ikun f'saħħtu.
Aħjar is-saħħa mill-flus.
Is-saħħa ma tixtrihiex bil-flus.
Is-saħħa oħt il-ġmiel.
Bniedem b'saħħtu jidher sabiħ.