Raġel li ma jkun kapaċi għal xejn, aħjar ma juri wiċċu mkien.
Mara taħdem il-bizzilla, għal qrun ir-raġel ma tistax tiddwella.
Xi wħud mill-qwiel b’rabta man-nisa u l-irġiel jagħtuna perspettiva antikwata tar-rwoli tagħhom fis-soċjetà, u ma jirriflettux neċessarjament il-valuri moderni. Ħudhom għaldaqstant minn lenti storika. Apprezza r-rikkezza lingwistika u kulturali waqt li żżomm f’moħħok li ż-żminijiet u l-attitudnijiet inbidlu.
Meta tasallek il-ħasla tħabrek l-għażla.
Darba fix-xahar il-mara tkun taf inqabditx tqila, skont jiġihiex demm (= il-ħasla).
Aħjar mart min int milli bint min int.
Aħjar tkun mara miżżewġa milli xebba.
Ir-raġel tiegħek sal-kantuniera.
Mara m’għandha qatt taqla’ għajnejha minn fuq żewġha.
Il-mara tħammar u r-raġel jgħammar.
Sakemm il-mara jibqa’ jkollha ċ-ċiklu mestruwali, tkun għadha fiċ-ċans li jkollha t-tfal.
Il-ħafa jitfi ż-żina.
In-nisa li dari kienu jimxu ħafjin barra kienu jitilfu mis-sbuħija tagħhom. Żina (bl-aċċent fuq l-i) tfisser ġmiel.
Il-mara tad-dnub b’ħilitha stess iddub.
Il-prostituta waħedha tinqered.
Raġel id-dar, ħatba fin-nar.
Raġel li joqgħod id-dar, joqgħod jindaħal lil martu.
In-nisa xagħarhom twil u sens qasir.
In-nisa bla sens komun.
Id-dmugħ tal-mara bħall-bnazzi fix-xitwa.
Id-dmugħ tal-mara, dmugħ tal-kukkudrilli.
Tifla sabiħa tagħtihiex imħabbtek mal-mument għax issir iebsa daqs is-siment.
Lin-nisa turihomx imħabbtek mill-ewwel għax jagħtuk bis-sieq.
Meta s-sider ma jinfirixx, il-ħannieqa ma tissensilx.
Il-ġiżirana (= ħannieqa) toqgħod aħjar fuq mara li tkun sidirha mimli.
Il-kliem żejjed ħallih għan-nisa.
Tgħid xejn bla bżonn.
Il-mara tingħaraf minn għadietha.
Il-mara tkun taf xi ssarraf minn kif iġġib ruħha.
Mara mfettħa, boxxla mbettħa.
Mara għandha tpoġġi bilqiegħda b’saqajha miġburin. Boxxla mbettħa tirreferi għall-bieb tal-antiporta, li jkun miftuħ.
Raġel ħaddiem jiswa għal tnejn.
Raġel li kapaċi f’xogħlu jtella’ ħafna xogħol.
Il-mara li tilbes imqaċċat, max-xitan għamlet rabta.
Mara tal-affari tagħha dejjem tilbes deċenti.
Debba bla lġiem fis tikser għonqha.
Il-mara għandha toqgħod attenta f'dak li tagħmel biex ma jiddispjaċihiex.
Għal ħafna subien lesti l-bsaten u t-tmien, għal ħafna bniet lesti ċ-ċraret u l-biċċiet.
Dari s-subien biss kellhom opportunità għal karriera, il-bniet kienu jagħmlu biss ix-xogħol tad-dar. Tmien huma kpiepel.
Is-simna sabiħa f’debba, aħseb u ara f’xebba.
Tfajla mibruma hija tfajla sabiħa.
Mara bil-għonnella qatt ma taf x’għamlet u x’kellha.
Fl-antik l-għonnella kienet tgħatti t-tqala.