Bis-saħħa tal-mara bieżla li tieħu ħsieb, il-familja tgħix kuntenta.
Lil ibnek kif trabbih u ‘l żewġek kif iddarrih.
Xi wħud mill-qwiel b’rabta man-nisa u l-irġiel jagħtuna perspettiva antikwata tar-rwoli tagħhom fis-soċjetà, u ma jirriflettux neċessarjament il-valuri moderni. Ħudhom għaldaqstant minn lenti storika. Apprezza r-rikkezza lingwistika u kulturali waqt li żżomm f’moħħok li ż-żminijiet u l-attitudnijiet inbidlu.
Meta s-sider ma jinfirixx, il-ħannieqa ma tissensilx.
Il-ġiżirana (= ħannieqa) toqgħod aħjar fuq mara li tkun sidirha mimli.
Aħjar imqattgħa u ħorra milli għanja u żorra.
Aħjar mara fqira u qalbha tajba minn mara tal-flus u lsienha ħażin.
Agħtini r-raġel mingħajr sħabu.
Mara tkun trid lir-raġel tagħha għaliha biss, ma tkunx tridu jkollu l-ħbieb jinfluwenzawh.
Meta l-mara tkun se tobloq, bi ħsiebha, terġa’ tixtieq toħloq.
Madwar l-età ta' ħamsin sena, in-nisa terġa' tiġihom ix-xewqa jsiru ommijiet.
Meta xebba xawwatha tgħatti, ħajjitha opra bi tliet atti.
Meta xebba tieħu ħsieb li ġġib ruħha b'mod deċenti (= tgħatti xawwatha), ma tiżbaljax u tgħix kuntenta bla dispjaċiri.
Il-ġuvni bandiera bajda.
Ġuvni jeħlisha eħfef minn xebba meta jagħmel xi ħaġa ħażina.
Il-mara b’sufha mbiegħed, ir-raġel tbiegħed.
Xagħar il-mara dejjem apprezzat mir-raġel. Sufha jfisser xagħarha.
Ħares lejn il-qamar bil-ħajra għax għalik ikollu l-għira.
Superstizzjoni: dari kienu jemmnu li jekk mara tħares lejn il-qamar issib ir-raġel li tixtieq.
Mara sabiħa tal-għoxrin ġmielha jibqa’, u għal raġel issir seħer tal-ħamsin.
Mara tkompli tikber u tisbieħ bl-esperjenza tal-ħajja.
Dik soru msawra u fuq bejt imtajra.
Mara tal-affari tagħha xorta tattira l-attenzjoni bis-sbuħija tagħha.
Meta bewsa tagħtik mara, imbagħad trid tara xi jkun ġara.
In-nisa manipulattivi u jiġu jinħabbu miegħek għax ikollhom bżonn xi ħaġa.
Ir-raġel tiegħek sal-kantuniera.
Mara m’għandha qatt taqla’ għajnejha minn fuq żewġha.
Meta tasallek il-ħasla tħabrek l-għażla.
Darba fix-xahar il-mara tkun taf inqabditx tqila, skont jiġihiex demm (= il-ħasla).
Debba bla lġiem fis tikser għonqha.
Il-mara għandha toqgħod attenta f'dak li tagħmel biex ma jiddispjaċihiex.
Mara mill-Imsida, il-gidba f’idha.
In-nisa Misidjani giddibin.
Il-mara tħammar u r-raġel jgħammar.
Sakemm il-mara jibqa’ jkollha ċ-ċiklu mestruwali, tkun għadha fiċ-ċans li jkollha t-tfal.
Il-mara meta tidħaq trid tqarraq bik, u meta tibki tkun qarrqet bik.
Il-mara tkun lesta tqarraq bir-raġel f’kull ħin.
Għal ħafna subien lesti l-bsaten u t-tmien, għal ħafna bniet lesti ċ-ċraret u l-biċċiet.
Dari s-subien biss kellhom opportunità għal karriera, il-bniet kienu jagħmlu biss ix-xogħol tad-dar. Tmien huma kpiepel.
Ma jistax ikun il-bettija mimlija u l-mara sakrana.
Ma jistax ikollok il-flus fil-but u tberbaqhom fl-istess ħin.
Il-mara mżejna minn butha mdejna.
Mara responsabbli ma tberbaqx flus.