Il-bdiewa qatt ma jaqblilhom iqabbdu lil ħaddieħor biex isaqqilhom l-għelieqi, għax tiġihom wisq għolja. Ħabel jiġifieri għalqa.
Meta xxebba’ fl-ilma taflija, kull sbula tagħmel mija.
Dak li tiżra’ taħsad.
L-azzjonijiet tiegħek jiddeterminaw ir-riżultat.
Id-dinja hekk magħmula, nofsha raba’ u nofsha ħbula.
Kull kultura għandha t-tradizzjonijiet u d-drawwiet tagħha.
Fis-sajd lil min għarusa u lil min għaġuża.
Is-sajjied daqqa xortih tajba u daqqa xortih ħażina. Għarusa tirreferi għal tfajla mentri għaġuża tirreferi għal mara xiħa.
Il-bhima biex tiflaħ tiġri trid tkun qiegħda għall-mergħa u għall-moxt.
Biex tikkompeti fit-tiġrija tal-bhejjem trid tieħu ħsiebhom sew: titmagħhom u tomxtilhom.
Meta l-fart jiekol ix-xnien u n-nifel, il-moħriet warajh erħilu jindifen.
Il-bidwi għandu jaħrat l-għalqa meta tkun mimlija ħaxix ħażin (= ix-xnien u n-nifel).
Ixtri l-qawqama u l-qawqam; billejl aħdem tiegħek, binhar aħdem tas-sultan.
Jeħtieġ li tagħmel sforz kbir biex tleħħaq ma' kollox fil-ħajja. Qawqama hija baqra u qawqam huwa barri.
Il-ħarifa tbiddel l-arja u l-ħalib jitla’ fl-ajru.
Dari kien ikun hawn inqas ħalib fil-ħarifa u b'hekk il-prezz kien jogħla (= jitla' fl-ajru).
Il-qamħa tnaqqiha darbtejn tagħmel qagħqa dawritejn.
Naqqi l-qamħ kif suppost u jagħtik prodott tajjeb ħafna. Dawritejn tfisser għal darbtejn.
Min jaqla’ u min iħawwel.
Ix-xogħol ta' kulħadd huwa importanti, bħal fix-xogħol tal-għalqa.
Aħjar żbiba minn għenba.
Aħjar tinvesti f'xi ħaġa dejjiema minn xi ħaġa li tiġi u tmur malajr.
Meta l-baqra tilgħaq tintha, il-qamar ikun kwinta.
Superstizzjoni fejn kienu jemmnu li meta jkun qamar kwinta, tkun okkażjoni tajba biex tgħammar il-baqra. Tintha tfisser il-warrani tagħha.
Il-bagħal issemmnu jagħtik bis-sieq.
Tagħmel il-ġid ma' xi ħadd u minflok jibqa' jafhulek, jagħmillek il-ħsara.
Baqra tidres fuq l-andar, ġid fuq ġid.
Il-baqra li tintuża għad-dris f'għalqa tagħmel ħafna ġid.
Fart meżmieżi jew taqtgħu jew jaqtgħek.
Il-bhejjem tal-ifrat li ma jiklux ma jismnux, u ma ddaħħalx flus minnhom.
Is-sahra twila għax spiċċat il-qargħa twila.
Il-bdiewa għandhom ġranet tax-xogħol twal ħafna fis-sajf, żmien fejn ma tikbirx il-qargħa twila. Għalhekk jagħmlu s-sahra.
Meta x-xita tagħmel bikri u tibqa’ sal-imwaħħar, il-bidwi jkollu x’jitma’ u jaħżen sal-aħħar.
Ix-xita fit-tul tgħin biex jirnexxu l-uċuħ tar-raba', u b'hekk il-bidwi jkollu biex jitma' lil familtu.
Il-borma ma ssirx mingħajr nar, lanqas l-art tagħti mingħajr bżar.
Jeħtieġ li l-ħamrija tiddemmel sew biex il-frott u l-ħaxix joħorġu sbieħ. Bżar tfisser demel.
Il-ful iżirgħu fit-tajn sa rkupptejk u onqxu fit-trab idur għal għajnejk.
Il-ful għandu jiżara' meta tkun ix-xita (= għalhekk fit-tajn) u għandu jiġi minqux meta l-art tkun niexfa (= itir it-trab).
Min jaqla’ u min iħawwel.
Ix-xogħol ta' kulħadd huwa importanti, bħal fix-xogħol tal-għalqa.
Iż-żahar fil-berwieq u t-tewm bla taħsir, tama qawwija li l-biedja tkun bla ebda titkir.
Meta tara ż-żahar fil-berwieq u li t-tewm mhux qed jitħassar, huwa sinjal li mhux se jkollok problemi ta' mard (= titkir) fl-uċuħ tar-raba'.