Il-ħażin malajr jinxtered.
Min jibki u min jidħaq.
Kuxjenza safja, qalb kuntenta.
Min jagħmel it-tajjeb jgħix kuntent.
Din id-dinja għall-imxuma.
Fid-dinja trid taċċetta li hawn ħafna ħażin u dwejjaq. Imxuma tfisser dwejjaq.
Lil min tniggżu jgħid “ajma”.
Meta tagħmel azzjoni ħażina lil xi ħadd, stenna reazzjoni mingħandu.
F’kollox issib it-tajjeb u l-ħażin.
Kull ħaġa għandha s-sabiħ u l-ikrah tagħha.
Larinġa ħażina tħassar qartalla.
Il-ħażin dejjem iħassar it-tajjeb. Qartalla tfisser basket kbir tal-qasab.
L-aħbar ħażina tasal malajr.
Aħbar ħażina kulħadd isir jaf biha malajr.
Il-ħażin titimgħu ħobżok u jidgħilek.
Tagħmilx pjaċiri lin-nies ħżiena għax f'wiċċek jibqa'.
Għal kull niżla hawn telgħa.
Għal kull ħaġa ħażina hemm oħra tajba.
Agħtini xortija u itfagħni l-baħar.
Meta xi ħadd ikun xortih tajba, anke fil-ħażin ma jbatix daqshekk.
Lil qalbek uriha lil kulħadd u tagħtiha lil ħadd.
Kun qalbek tajba ma' kulħadd, iżda oqgħod lura milli tafda żżejjed għax jiddispjaċik.
Il-ħajjen ma jurix fiex inhu.
Min ikun f'sitwazzjoni ħażina ma jmurx jinkixef ma' ħaddieħor.
Il-ġarra ġejja u sejra fl-aħħar tinkiser.
Meta tagħmel azzjoni ħażina ripetutament, tasal dik id-darba fejn jaqbduk.
Fejn hemm il-ħdura ssib l-ilma.
Kull azzjoni, tajba jew ħażina, għandha l-konsegwenzi tagħha.
Min jagħmel il-ħsara jħallas għaliha.
Min jagħmel il-ħsara jeħtieġ li jpatti tal-ħażin li jkun għamel.
Fuħħara li ġġelġel imxiegħra.
Il-ħażin, ħażin jibqa'. Fuħħara hija reċipjent u "imxiegħra" tfisser "imxaqqa".
F’waqtha raqqagħha jekk ma tridx terġa’ taqtagħha.
Jekk saret xi ħsara pprova sewwiha mill-ewwel biex ma tkomplix tikber.
Drabi tajba xi tbeżbiża.
Tbeżbiża tajba għal azzjoni ħażina jkun hemm bżonnha.
Ġorġ u Ġanni, tul iż-żmien id-dinja għat-tnejn tgħanni.
Xi darba lil kulħadd tidħaq ix-xorti.
Il-ftit u tajjeb aħjar mill-wisq u ħażin.
Aħjar tagħmel ftit u tajjeb milli tipprova tagħmel ħafna u ħażin.
Min jirteħa jittieħed.
Min hu bla direzzjoni morali, jispiċċa jinġarr mill-ħażin.