Kulħadd għandu t-taqbida tiegħu fil-ħajja, min ħaġa u min oħra.
Mhux dejjem tiġi żewġ.
Meta tisma’ hemm l-oħrajn, tinsa tiegħek.
Tikkonsla meta tisma' bl-affarijiet il-ħżiena li jiġru lil ħaddieħor.
Jekk xortih ittih jista’ jintefa’ fil-qiegħ.
Tkun xortik tajba, tagħmel x'tagħmel tajba tibqa'.
Id-dinja gaġġa tal-imġienen.
Fid-dinja l-loġika mhix ħaġa ovvja.
Għal tal-aħħar is-swat.
Tal-aħħar dejjem jieħu mill-agħar.
Il-ħmar il-magħlub iliegħeb.
Aktar kemm tkun f’sitwazzjoni diffiċli, aktar il-ħajja ttik mill-agħar.
Israq ftit tirrokka żgur, israq ħafna u ssir sinjur.
Jekk tisraq ftit jaqbduk żgur, mentri jekk tisraq ħafna tieħu l-qagħda u tgawdi għax ma jaqbdukx.
Min jirteħa jittieħed.
Min hu bla direzzjoni morali, jispiċċa jinġarr mill-ħażin.
Min għandu l-faħam miblul kull xkumvata jaħsibha gremxul.
Min jaf li għandu xi ħaġa fuq il-kuxjenza jaħseb ħażin. L-ixkumvat huwa ħelu tradizzjonali Malti tal-Milied.
Kulħadd tiġi sigħetu.
Kulħadd għad ipatti tal-ħażin kollu li jkun għamel.
L-azzjoni ta’ min jagħmilha, mhux ta’ min jirċeviha.
Azzjoni ħażina tirrifletti ħażin fuq l-aggressur mhux fuq il-vittma.
Denbu taħt il-blat; jitqanżaħ iżda ma jinqalax.
Jiġu ċirkostanzi fejn il-ħajja tagħtik wisq mill-agħar, u tagħmel x'tagħmel ma tkun tista' teħles b'xejn mill-għawġ.
Il-ġid ma jingħamilx bilfors.
Mhux kulħadd jagħmel it-tajjeb.
Min jixtieq deni lil ġaru jiġi f’daru.
Min jieħu gost bil-ħażin ta' ħaddieħor, dak l-istess ħażin jiġi fuqu.
Min jaqla’ u jagħti l-infern ibati.
Superstizzjoni Maltija li jekk xi ħadd jagħtik xi ħaġa u tagħtiha, ikollok tbati l-infern ta' kemm kont ingrat.
Kelb għalkemm jixjieħ jibqa’ jigdem.
Bniedem ħażin ma jinbidilx, mhux imbilli jixjieħ.
Mill-ħażin tistenniex li joħroġ it-tajjeb.
Mingħand min hu azzjonitu ħażina tistenniex mod ieħor.
Ħaxixa ħażina tikber kullimkien.
Il-ħażin kullimkien issibu, tmur fejn tmur.
Kulħadd bniedem.
Kulħadd tad-demm u l-laħam u kapaċi jagħmel żball.
Illum jien u għada int.
It-tajjeb li mess lili llum imiss lilek għada, u l-istess bil-ħażin.
Lil min toqgħodlu jgħabbik.
Qis li tieqaf lil min jipprova jagħmel li jrid bik.