Meta żżomm ġo fik, fl-aħħar tispiċċa biex tinfaqa'.
Kull kobba fiha tarfha.
Aħseb il-ħażin biex it-tajjeb ma jonqosx.
Tafdax iżżejjed u ma titqarraqx.
Min hu xxurtjat jixħitha għal rasha u tiġih fuq saqajha.
Min huwa xortih tajba jagħmel x'jagħmel tiġih tajba.
Dak li jeħel fid-dras ma jxebbax.
L-isforzi biex wieħed jirranġa sitwazzjoni ħażina ma jkunux biżżejjed biex tinqaleb il-folja.
Lil min jaħralek f’idek tiddejjaqx iċċappashulu ma’ wiċċu.
Qis li tiddefendi lilek innifsek kontra min jipprova jagħmillek il-ħsara.
Kull deni ħudu b’ġid.
Tgħallem mill-affarijiet il-ħżiena li jiġrulek.
Darba fit-tant tmiss lill-Papa.
It-tajjeb u l-ħażin xi darba lil kulħadd jiġru, anke lin-nies importanti.
Iżżarma knisja biex tarma oħra.
Biex tirranġa xi ħaġa, kellek tkisser xi ħaġa oħra.
L-aħbar ħażina tasal malajr.
Aħbar ħażina kulħadd isir jaf biha malajr.
Kulħadd tiġi sigħetu.
Kulħadd għad ipatti tal-ħażin kollu li jkun għamel.
Il-bniedem mogħti għall-ħażen.
Il-bniedem jattirah il-ħażin.
Israq ftit tirrokka żgur, israq ħafna u ssir sinjur.
Jekk tisraq ftit jaqbduk żgur, mentri jekk tisraq ħafna tieħu l-qagħda u tgawdi għax ma jaqbdukx.
Fil-ħajja gwerra l-ħin kollu.
Fil-ħajja dejjem hemm xi diffikultà x'tegħleb.
Il-fortuna mal-ħmir u s-skaren.
Ix-xorti tidħaq lin-nies injoranti u lis-sakranazzi.
Il-brikkun ma jurix fiex inhu.
Min ikun f'sitwazzjoni ħażina ma jmurx jinkixef ma' ħaddieħor.
Qattusa għaġġelija frieħ għomja tagħmel.
Meta tieħu deċiżjonijiet bl-għaġla ma tkunx ħsibtha sew u tispiċċa tagħmel l-għażla l-ħażina.
Il-ħanżir b’xaħmu jinqela.
In-nies ħżiena malajr isibu lil xi ħadd bħalhom li jagħmlilhom il-ħsara.
Konna aħjar meta konna agħar.
Mingħalina li l-affarijiet kienu se jmorru għall-aħjar, imma minflok marru għall-agħar.
It-tajjeb kulħadd jaf jarah.
Kulħadd kapaċi jagħraf x'inhu tajjeb.
Ħudha la ġietek għax jekk tħalliha jibdielek.
Meta tkun xortik tajba, kun kuntent u gawdiha għax ma tafx meta ser terġa' tiġi.
Fid-dinja kollox frugħa; is-sabiħ filgħodu, filgħaxija tarah kruha.
Fid-dinja trid toqgħod attent għax id-dehra tqarraq bik.