Kun qalbek tajba għax ma tafx min tiġi bżonn.
It-triq tal-ġenna dejqa.
Ftit u tajjeb aħjar minn ħafna u ħażin.
Aħjar dak li għandu jsir, isir bil-mod u tajjeb.
Darba fit-tant tmiss lill-Papa.
It-tajjeb u l-ħażin xi darba lil kulħadd jiġru, anke lin-nies importanti.
Il-ħmar il-magħkus idur għalih id-dubbien.
Aktar kemm tkun f'sitwazzjoni diffiċli, aktar il-ħajja ttik mill-agħar.
Il-kelb in-nagħaj idejjaq in-nies tad-dar u tal-ġar.
Superstizzjoni Maltija tgħid li l-klieb li jingħu jbassru xorti ħażina.
Aħjar torqod fix-xemx taħraq inkella toqgħod fid-dell tal-ħażin.
Għalkemm mhux dejjem faċli, għandek tagħżel li tagħmel it-tajjeb.
Id-dinja raddiena, daqqa minn fuq int u daqqa minn fuq jiena.
Mhux dejjem inkunu xortina tajba, iżda mhux dejjem inkunu xortina ħażina.
Larinġa ħażina tħassar qartalla.
Il-ħażin dejjem iħassar it-tajjeb. Qartalla tfisser basket kbir tal-qasab.
Id-dnub ma jorqodx.
Meta tagħmel xi ħaġa ħażina, xi darba jew oħra għad tinqabad.
It-twajjeb miskin.
Min ikun twajjeb wisq ibati għax kulħadd jagħmel li jrid bih.
Ħudha la ġietek għax jekk tħalliha jibdielek.
Meta tkun xortik tajba, kun kuntent u gawdiha għax ma tafx meta ser terġa' tiġi.
Il-ħanfus oqtlu biex ma jnittnekx.
Il-ħażin eħles minnu akkost ta' kollox u oqtlu mill-għeruq. Il-ħanfus jagħmel riħa tinten biex jiddefendi ruħu.
Ftakar dejjem f’min jagħmillek il-ġid.
Ftakar f'min xtaqlek u għamillek il-ġid, meta jkun fil-bżonn.
Fid-dinja ħadd mhu tassew kuntent.
Ma ssibx kuntentizza fid-dinja, kulħadd isib fuq xiex jilmenta.
Il-qarnita fl-aħħar iddur għal subgħajha.
Meta tkun iddisprat minn kollox tasal tagħmel biex tilħaq l-għanijiet tiegħek.
Fejn bidt, mur kul il-qanneb.
Issa li għamilt id-deċiżjoni l-ħażina, lesti ruħek biex tbati l-konsegwenzi.
Kulħadd jista’ jkun bla raj.
Kulħadd jista' jieħu żball.
Kulħadd b’xi ħaġa.
Kulħadd għandu t-taqbida tiegħu fil-ħajja, min ħaġa u min oħra.
Agħmel is-sewwa u tibża’ minn ħadd.
Min jagħmel it-tajjeb jgħix trankwill.
Aktar tmut in-nies bix-xaba’ milli bil-ġuħ.
Iż-żejjed jagħmel ħsara daqs in-nieqes.
Meta l-laħam hu ħażin, agħar jiġi l-brodu.
Mill-affarijiet il-ħżiena joħorġu affarijiet agħar.