Qis li tħobb lill-proxxmu tiegħek, bħalek innifsek.
Aħjar taqta’ int jew jaqtgħulek.
Ilħaq għastek biss u mhux għast ħaddieħor.
Ara l-affarijiet tiegħek u ħalli lil ħaddieħor bi kwietu.
Aħjar kisra sewda d-dar milli għasel għand il-ġar.
Tajjeb li tkun kuntent b'li għandek minflok tiddependi fuq ħaddieħor jew tixtieq tiegħu.
L-akbar ġlieda ta’ bejn l-aħwa.
L-aħwa jkunu jafu lil xulxin sew u l-ġlied ikun ikbar.
Min ibusek fuq ġbinek jurik nofs ħiltek.
Bewsa fuq ġbinek (moħħok) mhix bewsa intima li tiftaħ il-bieb għall-kunfidenzi żejda.
Ħabibek jistrok u jgħattilek.
Il-ħbieb ta' veru jippruvaw jgħattulek l-iżbalji, għax jixtiqulek il-ġid. Jistrok tfisser jgħattik.
Ġar mill-agħar fil-qrib tiegħek huwa saħta mkaħħla miegħek.
Ġar li ma jkunx minn tagħna jagħmillek ħajtek wisq diffiċli.
Ħares tajjeb lil darek u la tħallilx lil ġarek.
Ħu ħsieb l-affarijiet tiegħek u twaqqax lil ħaddieħor fit-tentazzjoni billi tħalli oġġetti ta' valur fid-deher.
Ftehima bejn tnejn isseħħ f’jumejn, bejn tlieta tieħu xahrejn.
Tnejn min-nies jiftiehmu malajr u aktar kemm iżżid nies, aktar isir diffiċli tiftiehem.
Dak li ma jgħinekx fil-waqt la titmax fih u lanqas qatt m’għandek taqa’ għalih.
Meta jkollok bżonn l-għajnuna ta' ħabib u ma ssibux, tibqax tisforza biex iżżomm ħbiberija falza. Titmax ifisser li ma turix tama.
Ħadd ma jidħaqlek għall-bjuda ta’ snienek.
Min joqgħod jgħaddilek il-kumplimenti u jżiegħel bik ikun qed jistenna xi pjaċir mingħandek.
Aktar ma int għama, aktar il-għadu jaħbilek l-ixkora.
Aktar ma l-għadu tiegħek jarak f'diffikultà, aktar jagħmel biex tkun agħar.
Ħabib kulħadd u ħabib ħadd.
Aħjar ma tagħtix kunfidenzi żejda u tittratta lil kulħadd l-istess.
Il-ħabib dak li jaqbeż għalik.
Tinduna li xi ħadd tassew ħabib tiegħek meta jkun lest jaqbeż għalik.
Min għandu l-ħbieb għandu kollox.
Min għandu l-ħbieb għandu min jgħinu jasal fejn irid.
Dak li jkun tagħmillu mitt pjaċir u tonqsu darba kollox jispiċċa.
Għax tiżbalja mqar darba, in-nies jinsew il-pjaċiri kollha li tkun għamiltilhom qabel.
Ħabib fil-bżonn, ħabib tal-kunjom.
Il-ħbieb ta' veru huma dawk li ssibhom meta tiġi bżonnhom.
Ladarba tbiegħed, nesa kulma wiegħed.
Il-wegħdiet malajr isiru u malajr jintesew.
La torbotx rabta ċoff.
Qis li l-ftehim ikun sod.
Bħalissa aħjar inti minn dajjaret xbinti.
F'sitwazzjoni ta' urġenza min jinzerta ħdejk jista' jtik l-ewwel għajnuna.
Min ġie ferraħni, min ma ġiex serraħni.
Min ġie għandi fraħt bih, u min ma ġiex serraħli rasi għax ifisser li m'għandix inkwiet miegħu.