Mara li tkun id-dar ma tkunx taf x’qed jagħmel ir-raġel meta jkun barra.
Il-kliem żejjed ħallih għan-nisa.
Xi wħud mill-qwiel b’rabta man-nisa u l-irġiel jagħtuna perspettiva antikwata tar-rwoli tagħhom fis-soċjetà, u ma jirriflettux neċessarjament il-valuri moderni. Ħudhom għaldaqstant minn lenti storika. Apprezza r-rikkezza lingwistika u kulturali waqt li żżomm f’moħħok li ż-żminijiet u l-attitudnijiet inbidlu.
Agħtini r-raġel mingħajr sħabu.
Mara tkun trid lir-raġel tagħha għaliha biss, ma tkunx tridu jkollu l-ħbieb jinfluwenzawh.
Billejl in-nisa kollha xorta.
Fid-dlam il-pjaċir sesswali kollu l-istess.
Ħu mara armla u mhux waħda ta’ żmien it-tamla.
Aħjar tieħu mara armla bil-problemi tagħha, minn mara li trid dejjem ir-raġun (tamla hekk tfisser).
Il-mara taf tgħollik fis-sema u taf titfgħek l-infern.
Il-mara kapaċi tagħmel il-ħajja tar-raġel sabiħa daqs kemm hi kapaċi tagħmilha kerha.
Il-mara mżejna minn butha mdejna.
Mara responsabbli ma tberbaqx flus.
Meta l-mara tiżżewweġ tidħol f’darha u l-mewt biss taqlagħha minn hemm.
Dari n-nisa li kienu jiżżewġu kienu jibqgħu d-dar u l-mewt biss teħlishom minn dik il-ħajja.
Mara li tkellmek tidħaq, trid tqarraq bik; dik li tkellmek tibki, tkun qarrqet bik.
Il-mara tkun lesta tqarraq bir-raġel f’kull ħin.
Meta l-mara tiddebbel xagħarha jiżżebbel.
Mara li tintelaq (= tiddebbel) għax ma tiħux ħsieb l-apparenza tagħha tkun tidher. Jiżżebbel jiġifieri jitħammeġ.
Mara sabiħa, tikber kemm tikber, dejjem tajba għat-tieqa.
Mara sabiħa dejjem sabiħa tibqa’.
Raġel ħażin ibiddel qoxortu u aktar ħażin.
Raġel ħażin qatt ma jsir tajjeb, anzi jsir dejjem agħar.
In-nisa sbieħ biex tħares lejhom.
In-nisa sbieħ mhux dejjem ikollhom karattru sabiħ.
Mara tibki temminhiex.
Il-mara tkun lesta tqarraq bir-raġel f’kull ħin.
Il-mara u l-pinna ma jissellfux.
Mara waħda u raġel wieħed għandu jkollok.
Mara bil-għonnella qatt ma taf x’għamlet u x’kellha.
Fl-antik l-għonnella kienet tgħatti t-tqala.
Bir-raġel tiġieġa u bil-mara serduq, id-dar tinqaleb ta’ taħt fuq.
Jekk il-mara tmexxi lir-raġel fid-dar, kollox imur ħażin.
Il-mara tas-sajjied tagħġen b’id waħda, tas-suldat ma tagħġen xejn.
Il-mara tas-suldat tbati iżjed fil-flus mill-mara tas-sajjied.
Meta l-bajd isir imsielet, rasu għan-namur tkun mielet.
Meta s-subien jibdew jiżviluppaw fi żmien il-pubertà, jibdew jieħdu interess fis-sess. Il-bajd tfisser it-testikoli, li fi żmien il-pubertà jikbru.
Raġel kif iddarrih, u t-tifel kif trabbih.
Il-mara trid iddarri r-raġel mod ieħor min kif kien jagħmel għand ommu, u t-tfal jikbru skont kif trabbihom.
Il-mara tgħabbi daqs bagħal, ir-raġel jimla daqs għar.
Sabiex il-mara jkollha x’tonfoq, ir-raġel irid ibati f’xogħlu.
Ħu mara armla u mhux waħda ta’ żmien it-tamla.
Aħjar tieħu mara armla bil-problemi tagħha, minn mara li trid dejjem ir-raġun (tamla hekk tfisser).