Iż-żgħażagħ jitqarrqu għax jaħsbu li l-anzjani boloh, iżda l-anzjani jafu biċ-ċert li ż-żgħażagħ boloh għax daqshom kienu xi darba.
Kategorija: iż-żgħożija
Iż-żagħżugħ iġennen u x-xiħ idellel.
Iż-żgħażagħ jiġġennu wara xulxin u jiddrammatizzaw, iżda l-anzjani huma iżjed galbati minħabba t-tiġrib tal-ħajja. Il-verb dellel ifisser li tittratta lil xi ħadd tajjeb ħafna.
Iż-żagħżugħ iferrħek u x-xiħ idejqek.
Iż-żgħażagħ iġibu magħhom il-ferħ għax għadhom fil-bidu ta’ ħajjithom, filwaqt li x-xjuħ iġibu d-dwejjaq għax ikunu waslu fl-aħħar ta’ ħajjithom. Sens ieħor huwa li l-ġdid dejjem jogħġobna iżjed mill-qadim.
Ix-xiħ imut imqabbad u ż-żagħżugħ imut imqarraq.
Ix-xjuħ jixtiequ ma jmutux u ż-żgħażagħ jaħsbu li l-mewt ma tilħaqhomx.
Għaddew is-snin minn fuqek, issa fik jirgħa l-bebbux.
Is-sbuħija ta’ meta tkun għadek żagħżugħ(a) mhix eterna, irridu nixjieħu u nikriehu.
Aktar għandna flus milli għomor.
Ngħiduh għaż-żgħażagħ fil-familji sinjuri li jkollhom ħafna flus f’idejhom u ma jkunux jafu jużawhom.
Tifel, żagħżugħ jew xiħ, id-dinja xorta ddur għalih.
L-irġiel ħajjithom kollha iżjed liberi min-nisa.
Aħjar xiħ u għaref milli żagħżugħ u iblah.
Aħjar tiżżewweġ raġel matur b’esperjenza tal-ħajja minn wieħed għadu żagħżugħ u iblah.
Mara sabiħa tal-għoxrin ġmielha jibqa’, u għal raġel issir seħer tal-ħamsin.
Mara tkompli tikber u tisbieħ bl-esperjenza tal-ħajja.
Agħti l-għanja ta’ mħabbtek qabel ma d-dinja tibda tħabbtek.
Fittex l-imħabba meta tkun għadek żagħżugħ, u ma tkunx taf x’inhu l-inwkiet.