Min jaf jieħu l-ħajja kif tiġi jkollu inqas inkwiet.
Min idaħħal il-lifgħa f’kommtu ttemmu.
Min iħobb il-bajtar xitli ma jridx jibża’ mix-xewk; min iħobb mara miżżewġa ma jridx jibża’ minnha l-mewt.
Min isir iħobb mara miżżewġa jidħol f'ħafna inkwiet u għandu jkun lest ibati l-konsegwenzi tal-għira ta' żewġha.
Ħeles mill-miżieb u weħel fil-qattara.
Ma ħelishiex: irnexxielu jegħleb biċċa inkwiet, biex issa reġa' sab inkwiet ieħor ma' wiċċu.
Id-dinja tilgħab magħha u tirbaħlek.
Id-dinja fiha ħafna inkwiet u problemi li għalkemm nagħmlu li nistgħu niex niqfulhom, fl-aħħar mill-aħħar xorta nispiċċaw telliefa.
Għaddi ‘l bogħod minn min ikisser il-ħatab, miż-żebbiegħ u mill-bajjad.
Jekk tmiss ma' ċertu tip ta' nies tispiċċa fl-inkwiet.
Meta jinxfu l-għejun, ikunu nixfu.
Ladarba jibda l-inkwiet ma jkun irid jieqaf b’xejn.
Għasfur ġerrej fix-xibka jeħel qisu mhu xejn.
L-inkwiet iġġibux b'idejk.
Fl-aħħar tal-mazzita ssib il-qanċlita.
Wara li kollox ikun mar sew, fl-aħħar naqra jinqala' l-inkwiet.
L-għali u l-maltemp jiġu bla ma tibgħat għalihom.
L-inkwiet jiġi fuqek mingħajr ma tkun qed tistennieh.
Is-swied il-qalb qatel bosta nies.
L-inkwiet u d-dwejjaq kapaċi jkollhom effett ikrah ħafna fuq il-bniedem, li jista' saħansitra jwassal għall-mewt.
Fejn tara l-għajn ħażina terġax tmur.
Evita li tmur fejn diġà taf li ser issib l-inkwiet.
Min għandu l-għali jiekol ir-ross bil-labra.
Min ikun inkwetat jaqta' l-aptit u bilkemm jiekol.
Kulħadd salibu.
Kulħadd għandu l-inkwiet tiegħu ma' xiex iseffaq wiċċu.
L-hemm jiġi bil-ħemel u jmur bl-uqija.
L-inkwiet jitqabbel mal-mard, jiġi meta ma tkunx qed tistennieh u jdum biex jgħaddi. Ħemel tfisser tagħbija kbira. Uqija hija kejl tal-użin (ounce).
Biex bniedem ma jkollux inkwiet f’ħajtu hemm bżonn li ma jitwelidx.
L-inkwiet parti mill-ħajja.
Fl-aħħar tal-mazzita ssib il-qanċlita.
Wara li kollox ikun mar sew, fl-aħħar naqra jinqala' l-inkwiet.
L-għali jkun imsiefer u jiġi fuqek bla waqt.
L-inkwiet jiġi fuqek mingħajr ma tkun qed tistennieh.
Il-ħabs mimli bl-innoċenti u l-kannierja bil-kaġuni.
Hemm min l-ewwel jaqla' l-inkwiet imbagħad jgħid li ma kienx tort tiegħu, bħal xi ħadd li jgħid li spiċċa l-ħabs bla ħtija imma li l-vittma tiegħu tkun spiċċat fil-kannierja (post fejn kien jintefa' l-għadam tal-mejtin).
Min jibża’ li jismar ma joqgħodx fix-xemx.
L-inkwiet m'għandekx xi tridu.
L-għali jiġi waħdu.
Qatt ma tobsor meta l-inkwiet jiġi fuqek.
Kulħadd salibu.
Kulħadd għandu l-inkwiet tiegħu ma' xiex iseffaq wiċċu.