Kulħadd isib l-imħabba, anke min forsi mhux daqshekk sabiħ fiżikament.
Min jitlef martu bil-ħaqq ma ssibux kuntent.
Aqra xortik u ara mħabbtek kemm ittik.
Fl-imħabba jaf tkun xortik tajba jew xortik ħażina.
Meta ssir ir-rabta taż-żwieġ, l-omm taħseb għal dak li hu meħtieġ.
Dari l-omm kien ikollha tibda taħseb għad-dota meta bintha tasal biex tiżżewweġ.
Armla ta’ tletin tfittex raġel bħall-għamjin, armla ta’ ħamsin tagħżel mill-qalbenin.
Armla li tkun għadha żagħżugħa toqgħod inqas attenta minn armla aktar imdaħħla fiż-żmien meta tfittex raġel ieħor.
L-aħjar taż-żwieġ mill-kelma sat-tieġ.
Żmien l-għerusija (= meta tagħti kelma) huwa ħafna isbaħ mir-realità diffiċli taż-żwieġ.
Dar ta’ ksir il-għonq tħarisx lejha.
Tiżżewwiġx lil min għandu l-inkwiet fil-familja.
Għal ratal laħam ma jaqbilx tixtri baqra.
Fiż-żwieġ is-sitwazzjonijiet diffiċli huma ħafna iżjed komuni minn dawk faċli, mela tagħżilx lil martek jew żewġek skont l-apparenza biss.
Il-qamar jimla meta l-qalb tkun ħimla.
Meta l-qamar ikun qed jimla', tiżdied l-attrazzjoni sesswali. Ħimla tirreferi għall-emozzjonijiet.
Il-musbieħ ġewwa l-imnara u l-għarusa ġewwa darha.
Wara li tiżżewweġ, mara għandha tmur toqgħod ma' żewġha mhux tibqa' d-dar t'ommha u missierha.
Ix-xemgħa torbot u l-qniepen tħoll.
Iż-żwieġ isir bix-xemgħat fil-knisja u jinħall biss malli tasal il-mewt.
Meta żżewwiġt bdielek, meta bqajt għażeb il-qamel kielek.
Ħadd mhu kutent bl-għażliet tiegħu; dawk li żżewġu ddispjaċiehom, u anke dawk li ma żżewġux. Għażeb huwa raġel mhux miżżewweġ.
Iż-żwieġ kaxxa magħluqa.
Ma tistax tkun taf minn qabel kemm se jirnexxi ż-żwieġ, bħal kaxxa magħluqa li ma tkunx taf x'fiha.
Fiż-żwieġ min ifittex il-ġmiel u min ifittex il-miel.
Hemm min jiżżewweġ għad-dehra u hemm min jiżżewweġ għall-flus (= il-miel).
Tifla ħudha minn dar ta’ nies jistgħu, u għalqa ħudha mingħand għażżien.
Dari ma kontx tiżżewweġ biss għall-imħabba iżda wkoll għad-dota tax-xebba - bl-istess mod, kien jaqbillek iżjed tikri għalqa li qatt ma tkun inħadmet.
Armla ma tistax tgħin lil miżżewġa.
Mara armla għandha bżonn min jgħinha, ma tistax tgħin hi lil ħaddieħor.
Iż-żwieġ jintrabat bil-kelma u jinħall bil-mewt.
Ir-rabta taż-żwieġ tinħall biss bil-mewt.
Min jinħabb ma jitgawdiex.
Il-ħajja kiefra u teħodlok lil dawk li l-aktar tħobb.
B’ferħa kbira qbadtek u b’oħra ħallejtek.
Hemm relazzjonijiet ta' mħabba li malajr jisfaxxaw fix-xejn.
Bewsa mingħajr tgħanniqa donnha warda mingħajr fwieħa.
Bewsa tkun tfisser iżjed meta tiġi b'tgħanniqa.
Iż-żwieġ fih lagħqa għasel u bettija morr.
Iż-żwieġ fih iżjed esperjenzi koroh milli sbieħ.
Isbaħ il-għaqal mill-ġmiel.
Iżżewweġ persuna għall-għaqal tagħha, mhux għall-apparenza fiżika biss.