Bewsa tkun tfisser iżjed meta tiġi b'tgħanniqa.
Iż-żwieġ dulliegħa.
L-aħjar taż-żwieġ mill-kelma sat-tieġ.
Żmien l-għerusija (= meta tagħti kelma) huwa ħafna isbaħ mir-realità diffiċli taż-żwieġ.
Li kieku s-sbieħ jiżżewġu kollha, fuq il-koroh taqa’ l-folla.
Imbilli tkun fiżikament attraenti ma jfissirx li se togħġob lil kulħadd.
L-imħabba bla dawl, il-mogħdrija bir-raġġi.
Bniedem li tħobbu jagħmel kollox tajjeb, bniedem li tobogħdu jagħmel kollox ħażin.
Ix-xatba miftuħa, il-bejta magħluqa.
Dari l-prostituti tal-Kottonera kienu jħallu x-xatba ta' darhom miftuħa biex juru li huma okkupati ma' klijent.
Iż-żwieġ jintrabat bil-kelma u jinħall bil-mewt.
Ir-rabta taż-żwieġ tinħall biss bil-mewt.
Il-musbieħ ġewwa l-imnara u l-għarusa ġewwa darha.
Wara li tiżżewweġ, mara għandha tmur toqgħod ma' żewġha mhux tibqa' d-dar t'ommha u missierha.
Agħti ruħek għan-namur u d-dinja ħalliha ddur.
Ħobb lil min trid u ħalli n-nies jgħidu.
Aqra xortik u ara mħabbtek kemm ittik.
Fl-imħabba jaf tkun xortik tajba jew xortik ħażina.
Armla bħal ġemel: għaliha ż-żwieġ mimli nemel.
In-nisa romol ikunu diġà għaddew minn ħafna tbatija u ma tkunx faċli għalihom li jerġgħu jiżżewġu.
Iz-zakak jaqbeż u jitfarfar iżda l-ħmiem iżoqq u jgargar.
Min ma jiżżewwiġx (= iz-zakak, tip ta' għasfur) jgħaddi ħajja sabiħa, u min jiżżewweġ (= il-ħmiem, tip ieħor ta' għasfur) għandu responsabbiltajiet u problemi biss.
Iż-żwieġ fih lagħqa ħelu u bettija mrar.
Iż-żwieġ fih iżjed esperjenzi koroh milli sbieħ.
Għajn ma tara, qalb ma tuġa’.
Inqas ma tara lil xi ħadd, iktar tinsieh malajr.
Ħu raġel ikbar minnek u mhux żagħżugħ jixba’ minnek.
Sib raġel li jkun ikbar minnek fl-età għax jibqa' jridek.
Armla ta’ tletin tfittex raġel bħall-għamjin, armla ta’ ħamsin tagħżel mill-qalbenin.
Armla li tkun għadha żagħżugħa toqgħod inqas attenta minn armla aktar imdaħħla fiż-żmien meta tfittex raġel ieħor.
Għad li kerha s-sura, sabiħa l-avventura.
Anke persuna li mhix daqstant sabiħa ssib lil min iridha.
Il-gdim imħabba u l-qris mibegħda.
Hemm min jemmen li l-gdim juri l-imħabba, u l-qris juri l-mibegħda.
Jekk toħroġ il-vara, ikollok idaħħalha.
Fiż-żwieġ kulħadd responsabbli minn dak kollu li tagħmel martu jew żewġu.
Armla bħal ġemel: għaliha ż-żwieġ mimli nemel.
In-nisa romol ikunu diġà għaddew minn ħafna tbatija u ma tkunx faċli għalihom li jerġgħu jiżżewġu.
Ħmar tajjeb jinbiegħ f’pajjiżu.
L-imħabba sibha ma' xi ħadd li jkun mill-istess raħal tiegħek, ikollok inqas problemi.
Kulħadd jifraħ bl-għarusa tiegħu.
Kulħadd jifraħ b'dak li għandu - l-għarus(a), ix-xogħol, id-dar, il-familja, eċċ.