Fqir jew sinjur, xi darba tmut bħal ħaddieħor.
Min jaħseb fil-mewt ma jidnibx.
Man-nejbiet lesti l-kfejniet.
Dari kienu jmutu ħafna trabi meta jkunu waslu fl-età li jaqsmu n-nejbiet. Kfejniet tfisser twiebet żgħar tat-trabi.
Il-bniedem twieled għarwien u jindifen liebes jekk ikeffnuh.
Nitwieldu mingħajr ġid materjali u bl-istess mod immutu u ma nieħdu xejn magħna.
F’mewt ix-xiħ flok biki jkun hemm żfin.
Il-werrieta tax-xiħ, minflok jibkuh, jifirħu għaliex ser jirtuh.
Il-ħajja ħolma.
Il-ħajja qasira ħafna u tgħaddi bħal ħolma.
Il-mejjet joħroġ u s-sabar jidħol.
Wara mewtek, ħaddieħor jibda jinsiek bil-mod il-mod.
L-akbar serjetà waqt il-mewt.
Il-mewt hija l-iżjed ħaġa kbira u serja li tista' tiġrilna.
Tiknisx billejl biex ma teqridx l-ewwieħ it-tajba.
Superstizzjoni ta' dari fejn kienu jemmnu li jekk tiknes billejl iġġib il-mewt fil-familja.
Il-ħin jgħaddi u l-mewt toqrob.
Aktar ma jgħaddi ż-żmien, aktar toqrob il-mewt.
B’riħ jew riefnu minn hawn irridu nsiefru.
Xi darba jew oħra rridu mmutu.
Bena u għalla, mar u ħalla.
Wara l-mewt, ikollok kemm ikollok trid tħallih warajk.
Kif tidra tgħix u kif tgħix tmut.
Il-mod ta' kif iġġib ruħek f'ħajtek jiddetermina kemm tmut b'rispett u dinjità.
Ħadd mhu għal hawn.
Ħadd ma jgħix għal dejjem.
Il-ħajja nżul u tlajja’.
Il-ħajja fiha s-sabiħ u l-ikrah tagħha.
Id-dinja turik id-debba u tqabbiżlek il-ħmara.
Fil-ħajja nitqarrqu: inkunu qed nistennew ċerti affarijiet u minflok nieħdu sorpriżi oħra mhux mistennija.
L-għada li titrabba fiha l-kefen biss ineħħiha.
Id-drawwiet tiegħek - tajbin u ħżiena - sa mewtek tibqa' bihom. Għada tfisser drawwa u l-kefen huwa t-tebut.
Min għandu jmut bil-pesta m’hemmx barrakka għalih.
Id-destin ma taħarbux. Barrakka hija għamla ta' karettun.
Il-ħajja qabel il-mewt.
Sakemm inkunu għadna ħajjin, jeħtieġ li qabelxejn naħsbu kif se ngħixu.
Il-bniedem sa ma toħroġ ruħu qalbu ma jaqtagħhiex.
Jeħtieġ li tqawwi qalbek tul il-ħajja kollha.
L-akbar serjetà waqt il-mewt.
Il-mewt hija l-iżjed ħaġa kbira u serja li tista' tiġrilna.
Mewt ta’ wieħed, ħajja t’ieħor.
Fid-dinja min jitwieled jieħu post min imut, u nibqgħu sejrin hekk.