Id-destin tiegħek ma taħarbu b'xejn. Karlin huwa munita li kienet tintuża fi żmien l-Ingliżi.
Min ħalla l-ulied bħal kieku ma mietx.
Il-mistrieħ fil-qabar.
L-inkwiet jieqaf għalkollox meta mmutu.
Il-ħajja nżul u tlajja’.
Il-ħajja fiha s-sabiħ u l-ikrah tagħha.
Il-bniedem sa ma toħroġ ruħu qalbu ma jaqtagħhiex.
Jeħtieġ li tqawwi qalbek tul il-ħajja kollha.
Il-mewt ma taħfirha lil ħadd.
Il-mewt ma jiskansaha ħadd, u turina li m’aħniex għal dejjem.
Ftakar x’kont u x’sejjer tkun u malajr tneħħi l-geddum.
Apprezza l-fatt li għadek ħaj u ħallik milli tagħmel id-dwejjaq.
Il-ħajja qabel il-mewt.
Sakemm inkunu għadna ħajjin, jeħtieġ li qabelxejn naħsbu kif se ngħixu.
Kif tidra tgħix u kif tgħix tmut.
Il-mod ta' kif iġġib ruħek f'ħajtek jiddetermina kemm tmut b'rispett u dinjità.
Kulħadd xortih fid-dinja.
Hemm min xortih tajba u min xortih ħażina fid-dinja.
Il-bniedem ruħ waħda għandu.
Jeħtieġ li l-bniedem jieħu ħsieb ta' ruħu wkoll, m'aħniex għal dejjem.
Fittxu ħuduh ‘il barra ħalli naqsmu dak li ħalla.
Il-werrieta ta' min għandu l-flus, minflok jibkuh, jifirħu għaliex ser jirtuh.
Għabra u riħ li għandek hawn tħallih.
Wara mewtek kollox warajk tħalli, xejn ma tieħu miegħek.
Meta sewa ltewa.
Miet (= iltewa) fl-aqwa tiegħu jew fl-iżjed mument fejn ta' madwaru kellhom bżonnu.
Ħadd mhu għal hawn.
Ħadd ma jgħix għal dejjem.
“Merħba, ja mewt,” qal il-ġurdien kif ħass in-nassa tingħalaq fuqu.
Ladarba l-affarijiet jibdew ġejjin ħażin, aċċetta u ssaporti.
U la l-mewt li sserraħ u la l-qawwa li tferraħ.
Jasal punt fejn il-marid ikun ta’ piż mhux biss fuqu nnifsu, iżda fuq ta’ madwaru wkoll.
L-istilla ta’ kittieb tkun imniżżla fil-ktieb.
Il-kittieb jagħmel suċċess skont id-destin tiegħu.
F’mewt ix-xiħ flok biki jkun hemm żfin.
Il-werrieta tax-xiħ, minflok jibkuh, jifirħu għaliex ser jirtuh.
Ħadd ma mar u ġie.
Ħadd ma miet u reġa' lura.
Kien ilbieraħ u kien l-ewliemes, iżda llum hu ġewwa d-dwiemes.
Il-ħajja qasira ħafna għax għexnieha lbieraħ u ta' qabel (= l-ewliemes), illum waslet il-mewt u ninsabu fl-oqbra (= id-dwiemes).
Meta jmut qassis jiġbed sebgħa.
Superstizzjoni Maltija li jekk imut qassis, imutu sebgħa oħra warajh.