Sakemm inkunu għadna ħajjin, jeħtieġ li qabelxejn naħsbu kif se ngħixu.
Il-mewt dejjem b’xi għilla.
Dejjem inaża u qatt ma jmut.
Xiħ u marid, safrattant għadu ħaj. Inaża tfisser muġugħ.
Gawdi għax mid-dinja m’għandna xejn.
Ħu pjaċir bil-ħajja u għix kuntent, għax il-ħajja qasira u magħna m'aħna ser nieħdu xejn.
Tiġieġa tal-furmarija jekk ma jmisshiex filgħodu, jmissha filgħaxija.
Kulħadd irid imut xi darba jew oħra. Il-furmarija tfisser l-isptar.
Il-bniedem sa ma toħroġ ruħu qalbu ma jaqtagħhiex.
Jeħtieġ li tqawwi qalbek tul il-ħajja kollha.
L-imwiet għal kulħadd, għall-foqra u l-imwiel.
Fqir jew sinjur, xi darba tmut bħal ħaddieħor. Imwiel hu l-plural ta' mula, u tfisser rikkezzi.
L-akbar serjetà waqt il-mewt.
Il-mewt hija l-iżjed ħaġa kbira u serja li tista' tiġrilna.
Meta l-fellus jonqob qabel iż-żmien, ħajtu ma fihiex tmiem.
Meta l-fellus ifaqqas (= jonqob) qabel iż-żmien, ħajtu ma tkunx twila. Qawl li jgħodd ukoll għat-trabi ta' dari.
Il-mewt ħadd ma jsib tarfha.
Il-mewt ma jiskansaha ħadd, u turina li m’aħniex għal dejjem.
Mewt ta’ wieħed, ħajja t’ieħor.
Fid-dinja min jitwieled jieħu post min imut, u nibqgħu sejrin hekk.
B’riħ jew riefnu minn hawn għandna nsiefru.
Xi darba jew oħra rridu mmutu.
Il-ħin jgħaddi u l-mewt toqrob.
Aktar ma jgħaddi ż-żmien, aktar toqrob il-mewt.
Il-qattus għandu sebat erwieħ.
Il-qattus jgħix ħajja twila għax kapaċi jaħrab il-periklu.
Il-bniedem sa ma toħroġ ruħu qalbu ma jaqtagħhiex.
Jeħtieġ li tqawwi qalbek tul il-ħajja kollha.
L-għarusa l-ħaddara u l-mejjet in-newwieħa.
Kull okkażjoni ġġib magħha xi emozzjoni, ta' ferħ jew ta' niket.
U la l-mewt li sserraħ u la l-qawwa li tferraħ.
Jasal punt fejn il-marid ikun ta’ piż mhux biss fuqu nnifsu, iżda fuq ta’ madwaru wkoll.
“Merħba, ja mewt,” qal il-ġurdien kif ħass in-nassa tingħalaq fuqu.
Ladarba l-affarijiet jibdew ġejjin ħażin, aċċetta u ssaporti.
Il-mewt ma ġġib rispett lil ħadd.
Il-mewt ma jiskansaha ħadd, u turina li m’aħniex għal dejjem.
Illum ħaj u għada mejjet.
Il-mewt tasal ħabta u sabta.
Għal min għandu jmut bil-pesta m’hemmx barrakka għalih.
Id-destin ma tistax taħrab minnu.
Kif tidra tgħix u kif tgħix tmut.
Il-mod ta' kif iġġib ruħek f'ħajtek jiddetermina kemm tmut b'rispett u dinjità.