Xi nanniet juru preferenzi bejn in-neputijiet.
Min jitma f’ħutu la flus fil-kexxun u lanqas f’butu.
It-twissija tal-omm tibqa’ tinfirex bil-fomm.
Il-pariri tal-ġenituri jibqgħu jgħoddu bejn il-ġenerazzjonijiet, għax ħadd ma jixtiqilna ġid daqshom.
Il-muluda stabret u l-qabla ħterqet.
Kollox ta' taħt fuq, bħall-omm li qed tiled (= il-muluda) li minflok tgħajjat bl-uġigħ tikkalma u l-qabla (= il-majjistra) li minflok iżżomm il-kalma taqbad tistressja (= ħterqet).
Iż-żgħar ħobż u xuwa, il-kbar ħobż u duwa.
Meta jkollok it-tfal, ikollok isseffaq wiċċek mal-problemi tagħhom ħajtek kollha. Xuwa hija xi ħaġa pjaċevoli u duwa hija mediċina.
Min għandu lil mart missieru, għandu demla fuq ilsienu.
Meta l-missier jiżżewweġ mara oħra, it-tfal ma jmorrux tajjeb magħha.
It-tfal iż-żgħar uġigħ ta’ ras; it-tfal il-kbar uġigħ il-qalb.
Meta t-tfal ikunu żgħar iweġġgħulek rasek bl-għajat, iżda meta jikbru jweġġgħulek qalbek b'azzjonithom.
Il-ħwejjeġ maħmuġin jinħaslu d-dar.
Il-ħażin li jiġri d-dar tmurx tgħidu lil ħaddieħor.
Jekk l-omm tkun żimlija, il-bint tkun imdorrija.
L-omm tinfluwenza ħafna lil bintha bl-eżempju li tagħti. Żimlija tfisser li tipprostitwixxi ruħha.
Kull andar għandu l-karfa tiegħu.
Kull familja għandha xi membru li jwaqqgħalha wiċċha l-art. L-andar huwa l-qiegħa għad-dris u l-karfa tkun bla valur.
Ma jistrieħx il-bniedem ħlief f’daru.
Kulħadd ifittex il-kumdità ta' daru biex jistrieħ.
Fil-ħarifa l-mara timla l-qaleb bil-ġbejna u tħawwad il-brejma bin-nejna.
Il-mara tad-dar għandha ħafna xogħol kemm fid-dar kif ukoll fit-trobbija tat-tfal. Il-brejma tirreferi għal skutella u n-nejna hija kelma tat-tfal għal ikel.
Min għandu l-ulied għandu l-hena bil-wied.
Min ikollu t-tfal ikollu ħafna ferħ.
La mara u lanqas tfal, u la kera u lanqas dar.
Raġel li ma jiżżewwiġx ma jkollux inkwiet.
Ir-rokon tad-dar ma jagħmlux għar.
Il-mara tad-dar m'għandhiex għalfejn tħossha inqas minn ħaddieħor, għaliex xorta xogħol tagħmel. Għar tfisser diżunur.
It-tfal xogħol tal-ħmar.
Kulħadd jaf jagħmel it-tfal, iżda mhux kulħadd jaf irabbihom sew.
Bl-ulied kollha jaqilgħu xi sold, il-missier jista’ jibni fil-fond.
Il-paga tal-ulied isservi wkoll għall-familji li jbatu finanzjarjament.
It-tfal jiġbru d-dar.
It-tfal jimlew id-dar.
Il-labra fiha l-ġabra.
Dari min kien jaf iħit kellu xorti, għax kien ilibbes il-familja mingħajr ma jonfoq ħafna flus.
Il-fsied iħassar l-ulied.
Il-fsied ma jagħmilx ġid għall-iżvilupp tal-karattru tat-tfal.
Min jiftaħ biebu, jitlef lil uliedu.
Meta wliedek jibdew joħorġu mid-dar titlifhom, għax jibdew jagħmluha ma' kumpanija ħażina.
Min jibża’ mill-kera jmut fl-għera.
Min ma jonfoqx flus fil-kera jew fil-bini ma jkollu mkien sura fejn joqgħod.