Xogħol il-bidwi u r-ragħaj huma fost l-ewwel xogħlijiet li bdew jeżistu għall-għajxien tal-bniedem.
Jekk il-ġidra l-ħamra sseħħ, annata tajba.
Kull għasfur imur mar-riħ, biss il-bies imur kontrih.
L-għasafar kollha jmorru fid-direzzjoni tar-riħ minbarra l-bies.
Il-frott la jkun misjur aqtgħu.
Agħmel xi ħaġa f'waqtha u tħallix iż-żmien jgħaddi.
F’marqad il-mogħoż ma ssibx sbul.
Min ma tantx għandu biex jgħaddi m'intix se ssiblu lussu.
Iż-żahar fil-berwieq u t-tewm bla taħsir, tama qawwija li l-biedja tkun bla ebda titkir.
Meta tara ż-żahar fil-berwieq u li t-tewm mhux qed jitħassar, huwa sinjal li mhux se jkollok problemi ta' mard (= titkir) fl-uċuħ tar-raba'.
Il-gabillott duttur, mill-bħajra dejjem żgur.
Il-bidwi li jagħmel xogħlu sew dejjem ikollu prodott tajjeb. Bħajra tfisser bettieħ.
Il-bhima tar-refgħa hija nofs il-merħla.
Il-merħla tmur tajjeb skont ir-razza u s-saħħa tal-bhima tar-refgħa (dik li tgħammar).
Il-baqra kollha tinbiegħ.
Kulħadd għandu l-preferenzi tiegħu.
Fis-sajd lil min għarusa u lil min għaġuża.
Is-sajjied daqqa xortih tajba u daqqa xortih ħażina. Għarusa tirreferi għal tfajla mentri għaġuża tirreferi għal mara xiħa.
In-nemus fuq il-qamħ sinjal li dan ikun qed jisħon.
Meta tara n-nemus fuq il-qamħ tista' tibda taħsad għax tkun waslet is-sħana.
Brunġiela fi żmienha, għas-suq qatt ma tkun wisq għammiela.
Aktar ma jkun hemm abbundanza ta' brunġiel fi żmienu, inqas ikun sabiħ u għalhekk ma jibqax jiswa daqstant.
Bajda tas-sultan titħallas b’dundjan.
Akbar ma jkun l-obbligu li jkollok lejn xi ħadd, aktar se jkollok xi trodd lura.
Il-ksir fir-raba’ ħass id-dar.
Jeħtieġ li tiżra' ż-żerriegħa tal-ħass wara li tkun ħdimt il-ħamrija.
It-trill / il-majjal ixtrih fix-xhur tal-erre.
It-trill/il-majjal ikun tajjeb biss fix-xhur li m'għandhomx l-ittra "r" fihom (= Mejju, Ġunju, Lulju u Awwissu).
Għaż-żrigħ bikri tikri; għall-imwaħħar ikollok tbaħħar.
Jekk tiżra' wisq tard fl-istaġun ikollok bżonn miraklu biex tieħu xi ħaġa. Imwaħħar tfisser tard. Tbaħħar jiġifieri tkeċċi l-ispirti l-ħżiena.
Bajda ta’ serduq naqra naqra leħinha jsir maħnuq.
Meta l-bajd taħt il-qroqqa jibda jiżviluppa fi flieles, jibda jitlef il-kulur.
Il-ful iżirgħu fit-tajn sa rkupptejk u onqxu fit-trab idur għal għajnejk.
Il-ful għandu jiżara' meta tkun ix-xita (= għalhekk fit-tajn) u għandu jiġi minqux meta l-art tkun niexfa (= itir it-trab).
Il-ħarifa tbiddel l-arja u l-ħalib jitla’ fl-ajru.
Dari kien ikun hawn inqas ħalib fil-ħarifa u b'hekk il-prezz kien jogħla (= jitla' fl-ajru).
Il-gabillott duttur, mill-bħajra dejjem żgur.
Il-bidwi li jagħmel xogħlu sew dejjem ikollu prodott tajjeb. Bħajra tfisser bettieħ.
Il-ful iżirgħu fit-tajn sa rkupptejk u onqxu fit-trab idur għal għajnejk.
Il-ful għandu jiżara' meta tkun ix-xita (= għalhekk fit-tajn) u għandu jiġi minqux meta l-art tkun niexfa (= itir it-trab).
Is-sajjied jgħid li l-art ħabel tajjeb.
In-nies jaħsbu li xogħolhom biss fih impenn. Ħabel tfisser għalqa.