Aħjar toqgħod fuq dak li tara b'għajnejk milli temmen dak li jgħidulek.
Ara b’għajnejk u tmissx b’idejk.
Id-duħħan sinjal li hemm in-nar.
Xi ftit verità jkun hemm fit-tqasqis tan-nies.
Bniedem tal-ġieħ miġjub minn kulħadd.
Bniedem onest ikollu r-rispett ta' kulħadd.
Biex taqta’ l-għatx trid tmur f’ras il-għajn.
Saqsi direttament lil min kien involut f'xi ħaġa biex tkun taf il-verità.
Bassa daħqa u fiswa ġlieda.
Ħadd ma jkun irid jammetti meta l-ħati ma jkunx ovvju.
Il-giddieb malajr jinqabad.
Min jigdeb ma jdumx ma jinqabad.
Iż-żejt jitla’ f’wiċċ l-ilma.
Il-verità dejjem toħroġ.
La ħarġet minn qalbi, ħarġet minn fommi.
Kun sinċier, għidha kif tħossha.
Il-bniedem isqih u staqsih.
Il-verità toħroġ mingħand min ikun xorob u siker.
Il-bniedem isqih u staqsih.
Il-verità toħroġ mingħand min ikun xorob u siker.
Illum min iqarraq u min jitqarraq.
M'għadx hawn onestà fid-dinja, kulħadd jara kif se jqarraq.
Is-sewwa m’hemmx isbaħ minnu.
Dejjem kun onest u għid il-verità.
Mhux kull min jagħti fuq sidru qaddis.
L-apparenza tqarraq bik; hemm min irid jidher qaddis iżda mhux.
Bniedem mingħajr onestà mżeblaħ.
Dak li ma jkunx onest ma jkollu r-rispett ta' ħadd.
Min irid iqarraq bik ħaġa b’oħra jurik żgur.
In-nies li jridu jqarrqu bik minn kollox jagħmlu biex jaslu fejn iridu.
Dak li jkun fil-qalb ikun fil-wiċċ.
Dak li jkun hemm f'qalb il-bniedem ikun rifless f'wiċċu.
Il-giddieb irid ikun egħref mill-kittieb.
Min jigdeb bil-fomm irid jagħmel skorz ikbar minn min ikun gideb bil-miktub biex jiftakar xi jkun qal u ma jinqabadx.
Mhux dak biss li joħroġ jisraq billejl jissejjaħ ħalliel.
Hemm diversi modi kif tisraq, fosthom billi tbigħ jew tagħti servizz bi prezzijiet qarrieqa.
Il-giddieb għomru qasir.
Min jigdeb ma jdumx ma jinqabad.
Min ifittex ‘il ommu wisq isibha mara ħażina.
Min isaqsi ħafna mistoqsijiet u jsir jaf persuna jew sitwazzjoni aħjar, jinduna li hemm ħafna ikrah mas-sabiħ.
Aħjar taf b’mitt għadu minn b’ħabib qarrieq.
L-għedewwa tiegħek taf min huma, iżda qatt ma tista' tkun taf meta l-ħbieb għad jittraduk.