Qis li tiddefendi lilek innifsek kontra min jipprova jagħmillek il-ħsara.
Il-ħsieb raġel ħażin.
Toqgħodx taħseb ħażin għax spiss titqarraq.
Għal tal-aħħar is-swat.
Tal-aħħar dejjem jieħu mill-agħar.
Kulħadd tad-demm u l-laħam.
Kulħadd jista' jieħu żball għax kulħadd bniedem.
Min jirteħa jittieħed.
Min hu bla direzzjoni morali, jispiċċa jinġarr mill-ħażin.
Il-ħajjen ma jurix fiex inhu.
Min ikun f'sitwazzjoni ħażina ma jmurx jinkixef ma' ħaddieħor.
B’ħabel jitgħallaq bniedem, b’ħabel isalva ieħor.
Dak li jagħmel il-ħsara lil persuna jista' jagħmel il-ġid lil persuna oħra.
Il-ġarra ġejja u sejra fl-aħħar tinkiser.
Meta tagħmel azzjoni ħażina ripetutament, tasal dik id-darba fejn jaqbduk.
Ħaxix ħażin aħarqu.
Il-ħażin eħles minnu akkost ta' kollox u oqtlu mill-għeruq.
Ilbieraħ kilt tiġieġa, illum bajda mgħollija u għada nixrob l-ilma tal-lissija.
Ix-xorti taf tkun kattiva ħafna, għax filli tidħaqlek u filli ttik bis-sieq. L-ilma tal-lissija huwa l-ilma tal-ħasil.
Min hu mgħaġġel jaqbillu jistenna.
Meta tieħu deċiżjonijiet bl-għaġla ma tkunx ħsibtha sew u tispiċċa tagħmel l-għażla l-ħażina.
Min ikun mimli ċomb ma jintefax il-baħar.
Min jaf li għandu tort jipprova jaħbi l-ħażin li għamel akkost ta' kollox.
Iżżarma knisja biex tarma oħra.
Biex tirranġa xi ħaġa, kellek tkisser xi ħaġa oħra.
Min għandu l-faħam miblul kull xkumvata jaħsibha gremxul.
Min jaf li għandu xi ħaġa fuq il-kuxjenza jaħseb ħażin. L-ixkumvat huwa ħelu tradizzjonali Malti tal-Milied.
Min jiġbed ħafna jaqta’ l-ispaga.
Meta tagħmel azzjoni ħażina ripetutament, tasal dik id-darba fejn jaqbduk.
Il-kelb in-nagħaj idejjaq in-nies tad-dar u tal-ġar.
Superstizzjoni Maltija tgħid li l-klieb li jingħu jbassru xorti ħażina.
Dnub mistqarr nofsu maħfur.
Huwa aktar faċli taħfer azzjoni ħażina jekk min għamilha jammettiha.
Id-dinja dejjem miexja, daqqa dritt u daqqa mgħawweġ.
Bit-tajjeb u l-ħażin kollu tagħha, il-ħajja tibqa' għaddejja.
Ġorġ u Ġanni, tul iż-żmien id-dinja għat-tnejn tgħanni.
Xi darba lil kulħadd tidħaq ix-xorti.
Kulħadd jista’ jkun bla raj.
Kulħadd jista' jieħu żball.
Kulħadd bniedem.
Kulħadd tad-demm u l-laħam u kapaċi jagħmel żball.