Meta żżomm ġo fik, fl-aħħar tispiċċa biex tinfaqa'.
Min jagħmel il-ħsara jħallas għaliha.
Id-dinja raddiena, daqqa minn fuq int u daqqa minn fuq jiena.
Mhux dejjem inkunu xortina tajba, iżda mhux dejjem inkunu xortina ħażina.
Min jiġbed ħafna jaqta’ l-ispaga.
Meta tagħmel azzjoni ħażina ripetutament, tasal dik id-darba fejn jaqbduk.
Il-ħażin malajr kulħadd jitgħallmu.
Huwa faċli ħafna li taqa' fit-tentazzjoni li tagħmel il-ħażin.
L-aħbar ħażina tasal malajr.
Aħbar ħażina kulħadd isir jaf biha malajr.
Il-fortuna mal-ħmir u s-skaren.
Ix-xorti tidħaq lin-nies injoranti u lis-sakranazzi.
Il-ħsieb raġel ħażin.
Toqgħodx taħseb ħażin għax spiss titqarraq.
L-aħħar tibna kisret dahar il-ħmar.
Kien jonqos l-aħħar azzjoni żgħira biex persuna jew sitwazzjoni tikkrolla wara serje ta' problemi akkumulati.
Bagħal magħlub ibelgħen.
Aktar ma l-affarijiet jibdew ġejjin ħażin, aktar ikollok xortik ħażina.
Jagħmel ħażin min jitlaq ruħu mingħajr biskotti.
Għandek dejjem tfittex li tagħmel il-ġid.
Jekk titfa’ bomba fit-Tramuntana tiġilek fin-Nofsinhar.
Kollox ġej ħażin.
Fejn hemm il-ħdura ssib l-ilma.
Kull azzjoni, tajba jew ħażina, għandha l-konsegwenzi tagħha.
Aħseb il-ħażin biex it-tajjeb ma jonqosx.
Tafdax iżżejjed u ma titqarraqx.
Lill-ħażin agħtih biċċa minn dejlek u erħilu jmur.
Aħrab il-ħażin u lil min jaqla' l-inkwiet. Dejlek tfisser id-dublett tiegħek.
Min ikun se jegħreq jaqbad imqar ma’ tibna.
Min ikun f'sitwazzjoni ta' periklu jew disperazzjoni, minn kollox jagħmel biex isalva jew joħroġ minnha.
Ilbieraħ kilt tiġieġa, illum bajda mgħollija u għada nixrob l-ilma tal-lissija.
Ix-xorti taf tkun kattiva ħafna, għax filli tidħaqlek u filli ttik bis-sieq. L-ilma tal-lissija huwa l-ilma tal-ħasil.
Dejjem ħares lejn min hu agħar minnek.
Ikkonsla, żgur hemm xi ħadd li f'ħajtu l-affarijiet sejrin agħar.
L-ewwel ma tiekol l-għajn.
L-ewwel ma ninnutaw hija d-dehra esterna tal-affarijiet, mela agħti kasha wkoll.
Għan-niżla kull qaddis jgħin.
Meta ma jkunx hemm problemi kollox jimxi sew.
Il-forka għall-iżvinturat.
Minn tant nies li jagħmlu l-ħażin u qatt ma jinqabdu, ix-xorti ħażina tkun messet lil min jingħata l-forka. Id-dinja inġusta.
Kull baħar jipplaka.
Kull ħaġa ħażina xi darba tasal fi tmiemha. Jipplaka tfisser jikkalma.