Il-bniedem jattirah il-ħażin.
Min hu xxurtjat jixħitha għal rasha u tiġih fuq saqajha.
Il-bajtar tax-xewk ma jagħmilx ħawħ.
Mingħand in-nies ħżiena m'hemmx azzjonijiet tajbin.
Ħa l-qamħ u ħalla l-ħliefa.
Żamm l-aħjar għalih u ħalla l-laqx lil ħaddieħor.
Agħder għax ma tafx fiex tiġi.
Kun qalbek tajba għax ma tafx min tiġi bżonn.
Il-ġarra ġejja u sejra fl-aħħar tinkiser.
Meta tagħmel azzjoni ħażina ripetutament, tasal dik id-darba fejn jaqbduk.
Kelb għalkemm jixjieħ jibqa’ jigdem.
Bniedem ħażin ma jinbidilx, mhux imbilli jixjieħ.
Il-ħmira żejda tħassar l-għaġina.
Iż-żejjed ma jagħmilx ġid.
Min jaqla’ u jagħti l-infern ibati.
Superstizzjoni Maltija li jekk xi ħadd jagħtik xi ħaġa u tagħtiha, ikollok tbati l-infern ta' kemm kont ingrat.
Għar-raġuni m’hemmx forza.
L-affarijiet għandhom isiru sew mingħajr aspettattivi kbar.
Min hu mejjet għal qatra u min hu mejjet fis-sakra.
Il-bilanċ ma jeżistix, għax hemm min m'għandu xejn u hemm min għandu żżejjed.
L-ewwel ma tiekol l-għajn.
L-ewwel ma ninnutaw hija d-dehra esterna tal-affarijiet, mela agħti kasha wkoll.
M’hemmx ħelu mingħajr morr.
Mingħajr l-ikrah tal-ħajja m'hemmx is-sabiħ.
Fuq tlieta toqgħod il-borma.
Ma' kull ħaġa tajba jew ħażina li tiġri, stenna tnejn oħra!
Larinġa ħażina tħassar qartalla.
Il-ħażin dejjem iħassar it-tajjeb. Qartalla tfisser basket kbir tal-qasab.
Il-ħanżir b’xaħmu jinqela.
In-nies ħżiena malajr isibu lil xi ħadd bħalhom li jagħmlilhom il-ħsara.
Il-ħadid ħażin dejjem mal-mola jmur.
In-nies ħżiena ma' xulxin jagħmluha. Mola hija dik li bl-Ingliż tissejjaħ grindstone.
Il-forka għall-iżvinturat.
Minn tant nies li jagħmlu l-ħażin u qatt ma jinqabdu, ix-xorti ħażina tkun messet lil min jingħata l-forka. Id-dinja inġusta.
Jekk tmiss ħwejġek ma’ ħwejjiġha, jew sentejn jew tiżżewwiġha.
Tagħmel x'tagħmel se teħilha. Sentejn tfisser sentejn ħabs.
Ir-ras meta tifliha tkun taf x’fiha.
Tara tassew sa fejn tkun waslet il-ħsara meta tipprova ssewwiha.
Min jaqla’ laqam għandu seba’ snin il-purgatorju.
Superstizzjoni Maltija li min jasal jaqla' laqam ikollu jpatti għalih billi jqatta' seba' snin il-purgatorju wara mewtu.
Min jibki u min jidħaq.
Kulħadd xortih fid-dinja, min ferħan u min imdejjaq.