Aktar kemm tkun f’sitwazzjoni diffiċli, aktar il-ħajja ttik mill-agħar.
Lil min tniggżu jgħid “ajma”.
Lil qalbek uriha lil kulħadd u tagħtiha lil ħadd.
Kun qalbek tajba ma' kulħadd, iżda oqgħod lura milli tafda żżejjed għax jiddispjaċik.
Ġorġ u Ġanni, tul iż-żmien id-dinja għat-tnejn tgħanni.
Xi darba lil kulħadd tidħaq ix-xorti.
Lil min toqgħodlu jgħabbik.
Qis li tieqaf lil min jipprova jagħmel li jrid bik.
Ma setax idur għall-ħmar, dar għall-berdgħa.
Ma setax ipattihielu u minflok dar fuq xi membru tal-familja tiegħu jew xi ħabib tiegħu. Il-berdgħa tirreferi għad-drapp taħt is-sarġ fuq dahar il-ħmar.
Il-ġarra bl-aħħar qatra tfur.
Meta żżomm ġo fik, fl-aħħar tispiċċa biex tinfaqa'.
Jekk mhux b’xi salib, b’domna.
Kulħadd għandu l-problemi tiegħu xi jsolvi.
It-twajjeb miskin.
Min ikun twajjeb wisq ibati għax kulħadd jagħmel li jrid bih.
Min għandu l-faħam miblul kull xkumvata jaħsibha gremxul.
Min jaf li għandu xi ħaġa fuq il-kuxjenza jaħseb ħażin. L-ixkumvat huwa ħelu tradizzjonali Malti tal-Milied.
Il-ħsieb ħażin iqarraq u jfalli f’ħin.
Toqgħodx taħseb ħażin għax spiss titqarraq.
La marret l-id ħa jmorru s-swaba’.
Min ikun għadda minn esperjenza kerha ħafna ma jagħtix kas l-affarijiet iż-żgħar.
Min jikser jgħammar.
Min jagħmel il-ħażin jeħtieġ li jpatti għalih.
Kulħadd jieħu li ħaqqu.
Meta tagħmel xi ħaġa ħażina, trid tkun lest tbati l-konsegwenzi.
Aħjar waħdek minn wensek.
Għalkemm mhux dejjem faċli, għandek tagħżel li tagħmel it-tajjeb.
Mar biex ikittef u ħareġ imnittef.
Il-ħsara li pprova jagħmel lil ħaddieħor ġiet fuqu.
Min jeqleq żejjed fl-aħħar isibha xortih.
Min qatt ma jikkuntenta b'xejn sa fl-aħħar tasal xi ħaġa li togħġbu. Jeqleq tfisser jilmenta.
B’ħobża tagħmel mitt mil u b’mitt ħobża ma tagħmilx mil.
Meta kollox ikun miexi sew teħles malajr, iżda meta kollox jibda ġej bil-kontra, iddum ħafna iżjed.
Min jagħmel il-ħsara jħallas għaliha.
Min jagħmel il-ħsara jeħtieġ li jpatti tal-ħażin li jkun għamel.
Aħseb il-ħażin biex it-tajjeb ma jonqosx.
Tafdax iżżejjed u ma titqarraqx.
Lil min jaħralek f’idek tiddejjaqx iċċappashulu ma’ wiċċu.
Qis li tiddefendi lilek innifsek kontra min jipprova jagħmillek il-ħsara.
Kull kobba fiha tarfha.
Kull sitwazzjoni diffiċli u kkumplikata tissolva.