Ma tistax tistenna li kollox imur kif tixtieq fil-ħajja.
L-“ajma ma” qatt ħadd ma qalha għalxejn.
Il-bniedem għal dnubu niedem.
Xi affarijiet ħżiena li nġibu fuqna huma kollha tort tagħna.
Kull min jintreħa jittieħed.
Min ma jiħux ħsieb biex jagħmel it-tajjeb jispiċċa jitkaxkar mill-ħażin.
Lil min toqgħodlu jgħabbik.
Qis li tieqaf lil min jipprova jagħmel li jrid bik.
Lill-pastaż agħtih biċċa minn dejlek u erħilu jmur.
Aħrab il-ħażin u lil min jaqla' l-inkwiet. Dejlek tfisser id-dublett tiegħek.
Kull baħar jipplaka.
Kull ħaġa ħażina xi darba tasal fi tmiemha. Jipplaka tfisser jikkalma.
Il-ħmira żejda tħassar l-għaġina.
Iż-żejjed ma jagħmilx ġid.
Ftakar dejjem f’min jagħmillek il-ġid.
Ftakar f'min xtaqlek u għamillek il-ġid, meta jkun fil-bżonn.
It-tiġieġa fejn tiekol in-nuħħala tmur tbidha l-bajda.
Kulħadd irid iwieġeb ta' għemilu, kemm fit-tajjeb kif ukoll fil-ħażin.
Il-ġid ma jingħamilx bilfors.
Mhux kulħadd jagħmel it-tajjeb.
Ħaxix ħażin aħarqu.
Il-ħażin eħles minnu akkost ta' kollox u oqtlu mill-għeruq.
Min għandu l-faħam miblul jibża’ biss.
Għandu għalfejn jibża' biss min jaf li għandu tort.
Il-ħażin malajr jingħoġob.
Aktar faċli temmen il-ħażin milli t-tajjeb.
It-tajjeb kulħadd jaf jarah.
Kulħadd kapaċi jagħraf x'inhu tajjeb.
Min jeqleq żejjed fl-aħħar isibha xortih.
Min qatt ma jikkuntenta b'xejn sa fl-aħħar tasal xi ħaġa li togħġbu. Jeqleq tfisser jilmenta.
Lil min taqtagħlu qalbu, toħroġlu ruħu.
Kun sors ta' tama u qawwi qalb il-proxxmu tiegħek, mhux taqtagħlu qalbu.
Id-dritt m’hemmx isbaħ minnu.
Dejjem kun ġust u agħmel it-tajjeb, biex ħadd ma jkollu xi jgħid fuqek.
Aħjar hekk inkella agħar.
Aħjar nieħdu paċenzja bil-ħażin li ġara, dejjem setgħet ġiet agħar.
Fid-dinja tħobb ħaġa u tobgħod oħra.
Ma tistax tistenna li kollox imur kif tixtieq fil-ħajja.
Min hu mejjet għal qatra u min hu mejjet fis-sakra.
Il-bilanċ ma jeżistix, għax hemm min m'għandu xejn u hemm min għandu żżejjed.
Għam il-baħar kollu u għereq fir-ramla.
Kien sejjer tajjeb, sakemm żgarra fl-aħħar naqra.