Azzjoni ħażina tirrifletti ħażin fuq l-aggressur mhux fuq il-vittma.
Jekk tmiss ħwejġek ma’ ħwejjiġha, jew sentejn jew tiżżewwiġha.
Tagħmel x'tagħmel se teħilha. Sentejn tfisser sentejn ħabs.
M’hemmx ħelu mingħajr morr.
Mingħajr l-ikrah tal-ħajja m'hemmx is-sabiħ.
Kull qalb trid oħra.
Meta tagħmel it-tajjeb ma' persuna, tistenna l-istess ħaġa mingħandha meta tiġi bżonn.
Ftira mimlija bl-għaġla iġri kulha, inkella tiqras.
Jekk għamilt xi żball għax ma qgħadtx attent, sewwih mill-ewwel qabel ikun tard wisq.
L-aktar magħkus imur minn taħt.
Aktar kemm tkun f'sitwazzjoni diffiċli, aktar il-ħajja ttik mill-agħar.
Ħa l-qamħ u ħalla l-ħliefa.
Żamm l-aħjar għalih u ħalla l-laqx lil ħaddieħor.
Għal tal-aħħar is-swat.
Tal-aħħar dejjem jieħu mill-agħar.
Aħseb il-ħażin biex it-tajjeb ma jonqosx.
Tafdax iżżejjed u ma titqarraqx.
Il-bajtar tax-xewk ma jagħmilx ħawħ.
Mingħand in-nies ħżiena m'hemmx azzjonijiet tajbin.
Il-ħadid ħażin dejjem mal-mola jmur.
In-nies ħżiena ma' xulxin jagħmluha. Mola hija dik li bl-Ingliż tissejjaħ grindstone.
Min jagħmel jaħmel.
Min jagħmel il-ħsara jeħtieġ li jpatti tal-ħażin li jkun għamel.
Itfagħha għal rasha forsi tiġi għal saqajha.
Fejn ma tafx, ħu sogru u agħmel xi ħaġa kif ġie ġie - jekk tkun xortik tajba, jaf tiġik tajba wkoll.
Fejn hemm il-ħdura ssib l-ilma.
Kull azzjoni, tajba jew ħażina, għandha l-konsegwenzi tagħha.
Agħmel is-sewwa u ħalli l-baħar iħabbat.
Min jagħmel it-tajjeb jgħix trankwill.
Ftakar dejjem f’min jagħmillek il-ġid.
Ftakar f'min xtaqlek u għamillek il-ġid, meta jkun fil-bżonn.
Is-sewwa ħarbet għax ħadd ma ried jilqagħha f’daru.
Donnu ħadd ma sar jagħżel li jagħmel it-tajjeb illum il-ġurnata.
Il-bniedem għal dnubu niedem.
Xi affarijiet ħżiena li nġibu fuqna huma kollha tort tagħna.
Ħares warajk u tħarisx quddiemek.
Oqgħod attent, huwa aktar faċli li ħaddieħor jagħmillek il-ħażin minn wara dahrek milli f'wiċċek.
Ħadd mhu kuntent b’xortih.
Qatt m'aħna kuntenti b'dak li għandna, dejjem irridu iżjed.
Ħaxix ħażin aħarqu.
Il-ħażin eħles minnu akkost ta' kollox u oqtlu mill-għeruq.