Min jagħmel id-deni lil ħaddieħor, ma jsibx ġid mingħand ħaddieħor.
Il-ħażin malajr kulħadd jitgħallmu.
Ilbieraħ kilt tiġieġa, illum bajda mgħollija u għada nixrob l-ilma tal-lissija.
Ix-xorti taf tkun kattiva ħafna, għax filli tidħaqlek u filli ttik bis-sieq. L-ilma tal-lissija huwa l-ilma tal-ħasil.
Min għandu l-faħam miblul jibża’ biss.
Għandu għalfejn jibża' biss min jaf li għandu tort.
Min igerger minn salibu jiġih wieħed agħar.
Min jilmenta mill-ħażin li għandu f'ħajtu jagħmel ħażin, għax dejjem tista' tkun agħar.
Konna aħjar meta konna agħar.
Mingħalina li l-affarijiet kienu se jmorru għall-aħjar, imma minflok marru għall-agħar.
Dak li jeħel fid-dras ma jxebbax.
L-isforzi biex wieħed jirranġa sitwazzjoni ħażina ma jkunux biżżejjed biex tinqaleb il-folja.
Il-ħell u ż-żina ma jdumux fil-ħabi sena.
Min jisraq jew jiżni malajr jinqabad. Ħell tfisser serq.
Kull deni ħudu b’ġid.
Tgħallem mill-affarijiet il-ħżiena li jiġrulek.
Min ikun mimli ċomb ma jintefax il-baħar.
Min jaf li għandu tort jipprova jaħbi l-ħażin li għamel akkost ta' kollox.
Il-ħsieb raġel ħażin.
Toqgħodx taħseb ħażin għax spiss titqarraq.
L-ilma jsaqqi l-ħatab u l-ħatab jgħalli l-ilma.
Tagħmel il-ġid mal-proxxmu, iżda dan ma jkunx rikonoxxenti.
Il-bajtar tax-xewk ma jagħmilx ħawħ.
Mingħand in-nies ħżiena m'hemmx azzjonijiet tajbin.
Il-qarnita fl-aħħar iddur għal subgħajha.
Meta tkun iddisprat minn kollox tasal tagħmel biex tilħaq l-għanijiet tiegħek.
L-azzjoni ta’ min jagħmilha, mhux ta’ min jirċeviha.
Azzjoni ħażina tirrifletti ħażin fuq l-aggressur mhux fuq il-vittma.
Israq ftit tirrokka żgur, israq ħafna u ssir sinjur.
Jekk tisraq ftit jaqbduk żgur, mentri jekk tisraq ħafna tieħu l-qagħda u tgawdi għax ma jaqbdukx.
Darba fit-tant tmiss lill-Papa.
It-tajjeb u l-ħażin xi darba lil kulħadd jiġru, anke lin-nies importanti.
Min ħarreb imut imħarreb.
Min jagħmel il-ħsara lil ħaddieħor, il-ħajja tpattihielu billi tagħmillu l-istess tip ta' ħsara. Iħarreb tfisser joqtol, u mħarreb tfisser maqtul.
Il-ħmira żejda tħassar l-għaġina.
Iż-żejjed ma jagħmilx ġid.
Min hu mgħaġġel jaqbillu jistenna.
Meta tieħu deċiżjonijiet bl-għaġla ma tkunx ħsibtha sew u tispiċċa tagħmel l-għażla l-ħażina.
Il-ġarra ġejja u sejra fl-aħħar tinkiser.
Meta tagħmel azzjoni ħażina ripetutament, tasal dik id-darba fejn jaqbduk.
Fuq tlieta toqgħod il-borma.
Ma' kull ħaġa tajba jew ħażina li tiġri, stenna tnejn oħra!