Aħjar tieħu l-affarijiet biċ-ċajt meta jibdew sejrin ħażin.
Il-ħażin malajr jingħoġob.
Larinġa ħażina tħassar qartalla.
Il-ħażin dejjem iħassar it-tajjeb. Qartalla tfisser basket kbir tal-qasab.
Il-kelb il-mismut kull ilma jaħsbu misħun.
Min ikun għadda minn esperjenza ħażina joqgħod iżjed attent li ma jerġax jgħaddi minnha.
Kuxjenza safja, qalb kuntenta.
Min jagħmel it-tajjeb jgħix kuntent.
Fid-dinja tħobb ħaġa u tobgħod oħra.
Ma tistax tistenna li kollox imur kif tixtieq fil-ħajja.
Min imur ikittef joħroġ imnittef.
Min jagħmel il-ħażin lil ħaddieħor, dak l-istess ħażin jiġi fuqu.
Il-ħaxixa ħażina taqtagħhiex, aqlagħha.
Il-ħażin eħles minnu akkost ta' kollox u oqtlu mill-għeruq.
Jekk tmiss ħwejġek ma’ ħwejjiġha, jew sentejn jew tiżżewwiġha.
Tagħmel x'tagħmel se teħilha. Sentejn tfisser sentejn ħabs.
Min iħoss toqlu ma jħossx tal-oħrajn.
Min għandu ħafna problemi ma jimpurtahx mill-problemi ta' ħaddieħor.
Lil min jaħralek f’idek tiddejjaqx iċċappashulu ma’ wiċċu.
Qis li tiddefendi lilek innifsek kontra min jipprova jagħmillek il-ħsara.
Itfagħha għal rasha forsi tiġi għal saqajha.
Fejn ma tafx, ħu sogru u agħmel xi ħaġa kif ġie ġie - jekk tkun xortik tajba, jaf tiġik tajba wkoll.
Min hu mweġġa’ jokrob.
Kulħadd għandu raġuni għaliex jilmenta.
L-aħbar ħażina tasal malajr.
Aħbar ħażina kulħadd isir jaf biha malajr.
Mar biex ikittef u ħareġ imnittef.
Il-ħsara li pprova jagħmel lil ħaddieħor ġiet fuqu.
Jeħtieġ teħodha kif tiġi.
Aċċetta li fil-ħajja mhux kollox imur tajjeb u kif tixtieq.
Min ixarrab il-bakkaljaw jieklu.
Min jagħmel il-ħażin lil ħaddieħor, dak l-istess ħażin jiġi fuqu.
F’waqtha raqqagħha jekk ma tridx terġa’ taqtagħha.
Jekk saret xi ħsara pprova sewwiha mill-ewwel biex ma tkomplix tikber.
Min ikun fuq is-salib mhux bħal min ikun taħtu.
Min ma jkunx għadda mill-esperjenza kerha ta' ħaddieħor, ma jkunx jaf eżatt x'jiġifieri.
Ma setax idur għall-ħmar, dar għall-berdgħa.
Ma setax ipattihielu u minflok dar fuq xi membru tal-familja tiegħu jew xi ħabib tiegħu. Il-berdgħa tirreferi għad-drapp taħt is-sarġ fuq dahar il-ħmar.
Min hu xxurtjat jixħitha għal rasha u tiġih fuq saqajha.
Min huwa xortih tajba jagħmel x'jagħmel tiġih tajba.
Dak li jidħol mill-gerżuma ‘l ġewwa kollu sewwa.
Bħalma l-bniedem jiekol biss ikel tajjeb, hekk ukoll jaf jagħżel it-tajjeb mill-ħażin.