Min jagħmel il-ħażin lil ħaddieħor, dak l-istess ħażin jiġi fuqu.
Meta tisma’ hemm l-oħrajn, tinsa tiegħek.
Tikkonsla meta tisma' bl-affarijiet il-ħżiena li jiġru lil ħaddieħor.
Kelb li jilgħab bl-irmied tafdalux dqiq.
Bniedem li jagħmel il-ħażin, f'kollox jagħmlu.
Ċallas ballas min ikisser iħallas.
B'xi mod trid tħallas tal-ħsara li tkun għamilt.
Il-ħell u ż-żina ma jdumux fil-ħabi sena.
Min jisraq jew jiżni malajr jinqabad. Ħell tfisser serq.
Min ikun se jegħreq jaqbad imqar ma’ tibna.
Min ikun f'sitwazzjoni ta' periklu jew disperazzjoni, minn kollox jagħmel biex isalva jew joħroġ minnha.
Dak li jeħel fid-dras ma jxebbax.
L-isforzi biex wieħed jirranġa sitwazzjoni ħażina ma jkunux biżżejjed biex tinqaleb il-folja.
Il-wied dejjem għan-niżla.
Meta ma tibqax tidħaqlek ix-xorti, l-affarijiet imorru mill-ħażin għall-agħar.
Ħudha la ġietek għax jekk tħalliha jibdielek.
Meta tkun xortik tajba, kun kuntent u gawdiha għax ma tafx meta ser terġa' tiġi.
Min ġera ma laħaqx u min laħaq ma daqux.
Meta jkollok bżonn ħafna ta' xi ħaġa ma ssibhiex, u meta jkollok ħafna minnha ma jkollokx aktar bżonnha.
Il-bajtar tax-xewk ma jagħmilx ħawħ.
Mingħand in-nies ħżiena m'hemmx azzjonijiet tajbin.
Il-ħmar il-magħkus idur għalih id-dubbien.
Aktar kemm tkun f'sitwazzjoni diffiċli, aktar il-ħajja ttik mill-agħar.
Ġonġol imġenġel qatt ma jiġġenġel.
Il-ħażin, ħażin jibqa’.
Il-ħadid ħażin dejjem mal-mola jmur.
In-nies ħżiena ma' xulxin jagħmluha. Mola hija dik li bl-Ingliż tissejjaħ grindstone.
Il-ħanżir b’xaħmu jinqela.
In-nies ħżiena malajr isibu lil xi ħadd bħalhom li jagħmlilhom il-ħsara.
L-azzjoni ta’ min jagħmilha, mhux ta’ min jirċeviha.
Azzjoni ħażina tirrifletti ħażin fuq l-aggressur mhux fuq il-vittma.
Ħaxix ħażin aħarqu.
Il-ħażin eħles minnu akkost ta' kollox u oqtlu mill-għeruq.
Id-dnub mistqarr nofsu maħfur.
Meta tammetti li għamilt ħażin dak li jkun ikun lest jaħfirlek iżjed malajr.
Mar biex ikittef u ħareġ imnittef.
Il-ħsara li pprova jagħmel lil ħaddieħor ġiet fuqu.
Fil-ħajja gwerra l-ħin kollu.
Fil-ħajja dejjem hemm xi diffikultà x'tegħleb.
Dak li jeħel fid-dras ma jxebbax.
L-isforzi biex wieħed jirranġa sitwazzjoni ħażina ma jkunux biżżejjed biex tinqaleb il-folja.