Kulħadd l-interessi tiegħu jara.
Kulħadd jiġbed għalih sakemm jara l-qiegħ.
Bormot ix-xirka qatt ma ssir sewwa.
Hemm bżonn li xi ħadd wieħed biss imexxi l-partijiet kollha ta' proġett.
Akbar m’aħna, akbar qnatarna.
Aktar ma jkollok kariga għolja, aktar għandek responsabbiltajiet.
Il-liġijiet għal kulħadd xorta waħda.
Suppost li kulħadd indaqs f'għajnejn il-liġi.
Il-ħotra tegħleb il-kotra.
In-nies trid taċċetta lil min intgħażel biex imexxi, bħal f'elezzjoni. Il-ħotra tfisser l-għażla u l-kotra huma n-nies fis-soċjetà.
Il-qorti fiha bieb mnejn tidħol u le mnejn toħroġ.
Il-kawżi l-qorti jdumu ħafna biex jinqatgħu.
Mingħajr qaddisin ma titlax is-sema.
Biex tasal fejn trid, jeħtieġ li ssib min jgħinek jew jgħaddilek kelma.
Ċafċaflu papru la sibt l-ilma.
Fejn m’hemmx dixxiplina jkun hemm abbuż wara abbuż, bla rażan.
Għall-kotra m’hemmx tarf.
Diffiċli tintgħażel meta tkun fil-folla.
Il-pastizz m’għandux jinkiser qabel ma tkun tlieta.
Superstizzjoni Maltija fejn kienu jemmnu li biex tiekol il-pastizzi trid tkun grupp ta' tlieta.
Il-qorti għatba tal-infern.
Ladarba tidħol il-qorti, kun lest għal ħafna kumplikazzjonijiet u skossi.
Ibża’ minn qrun il-fart u għaddi minn warajh.
Tisfidax lil min taf li għandu l-poter jagħmillek il-ħsara.
La kull tina, tina. La kull qargħa, qargħa.
Kulħadd differenti fid-dinja.
Kulħadd taħt saqaf wieħed.
Kulħadd irid iseffaq wiċċu mal-problemi tal-ħajja.
Il-wegħda jew ittemmha jew ittemmek.
Superstizzjoni Maltija fejn kienu jemmnu li jekk ma ttemmx wegħda, jiġrulek affarijiet ħżiena.
Meta taqa’ l-baqra jaqgħu s-skieken.
Meta titlef il-pożizzjoni ta' awtorità li tkun fiha, dawk li mingħalik kienu ħbieb tiegħek jieqfu jirreċtaw.
Iż-żgħir qatt ma jaħseb tajjeb fil-kbir.
Dawk li fis-soċjetà jgħixu modestament jew m'humiex imlaħħqin dejjem jaħsbu ħażin f'min għandu ħafna flus jew ikun imlaħħaq.
Is-sagristan jekk ma jmissx max-xema’ jmiss mar-ruttan.
Meta ma jkun hemm ħadd jissorvelja, kulħadd jagħmel li jrid, bħas-sagristan diżonest li jobrom li jista'. Ruttan tfisser xema' mdewba.
Ma jmutx re u jitfaċċa ieħor aħjar minnu.
Meta jinbidel il-mexxej ta' xi organizzazzjoni, stennieh ikun agħar mhux aħjar.
Ħadd ma jaħsillek wiċċek biex tkun isbaħ minnu.
Kulħadd ifittex li jkun aħjar minn ħaddieħor.
Ħadd ma jtella’ lil nanntu fis-sala.
Hemm min ikun laħaq jew tal-flus u jkun jistħi juri li ġej minn ambjent umli.