Min jagħmel l-affarijiet tiegħu ma jistedinx kunfidenzi żejda.
Min jiġi jżurek mhux għalxejn.
Aħjar trabbi ħanżir minn tifel ta’ ħaddieħor.
Annimal jaf japprezza iżjed dak li tagħmel miegħu mit-tfal ta' ħaddieħor.
Kulħadd għandu min iħobbu u min jobogħdu.
Ma jistax ikun li tkun maħbub minn kulħadd.
L-ewwel li trid tagħmel ħbieb mal-kelb.
Aħjar tagħmel ħbieb ma' dawk ta' madwar xi ħadd li trid mingħandu.
L-inkwiet tal-ġara wara denb il-ħara.
Xi kultant bilfors jinqala' xi inkwiet mal-ġirien.
Bil-kappell li kelli sellimtlek.
Għamilt għalik dak li stajt.
Jekk il-bniedem tagħtih il-kunfidenza idaħħlek fil-gradenza.
Il-kunfidenza żejda man-nies m'għandekx xi tridha, għax jistgħu jabbużaw minnek eż. billi jisirquk f'darek stess.
Ħabibek jistrok u jgħattilek.
Il-ħbieb ta' veru jippruvaw jgħattulek l-iżbalji, għax jixtiqulek il-ġid. Jistrok tfisser jgħattik.
Min jibża’ mill-għarnuq ma jiżrax ful.
Min ma jridx li n-nies jgħidu bih, m'għandux jgħid fuq in-nies.
Ilħaq għastek biss u mhux għast ħaddieħor.
Ara l-affarijiet tiegħek u ħalli lil ħaddieħor bi kwietu.
Bħalma jdaħħqek ibikkik.
Il-ħbieb kapaċi jferrħuk daqs kemm kapaċi jqabbduk id-dwejjaq.
Aħjar nuħħalti minn smid ġarti.
Aħjar dak li hu tiegħi, minkejja li tal-ġara forsi aħjar.
Agħmilha ma’ min hu aħjar minnek u ħallas għalih.
Jaqbillek ikollok ħbieb li jkunu aħjar minnek.
Min jidħol għalik idħol għalih.
Min jgħinek meta tkun fil-bżonn, qis li tagħmel l-istess għalih.
La ddardarx l-għajn li trid tixrob minnha.
Qis li ma jkollokx xi tgħid - jew tbiegħed minnek - lil min għandek bżonn jew li għad tiġi bżonnu fil-futur.
Bla ħbieb ma tagħmel xejn.
Mingħajr il-ħbieb ma tkunx tista' titlob pjaċir.
Fit-tgawdija kulħadd merħba bik, fit-tbatija kulħadd iħallik.
Meta kollox ikun sejjer sew iduru miegħek il-ħbieb, u meta kollox jibda sejjer ħażin jabbandunawk.
Min jerħilek żenbilu, għabbilu.
Approfitta ruħek mill-iblah li joqgħod għal kollox u agħmel li trid bih. Żenbilu tfisser il-basket tiegħu.
Aħfer lil kulħadd mhux lilek innifsek.
Ma' ħaddieħor kun qalbek tajba, imma miegħek innifsek kun strett.
L-inkwiet tal-ġara wara denb il-ħara.
Xi kultant bilfors jinqala' xi inkwiet mal-ġirien.
Ħabib kulħadd u ħabib ħadd.
Aħjar ma tagħtix kunfidenzi żejda u tittratta lil kulħadd l-istess.