Approfitta ruħek mill-iblah li joqgħod għal kollox u agħmel li trid bih. Żenbilu tfisser il-basket tiegħu.
Min jiekol waħdu, jagħmel waħdu.
Billi tagħti tieħu.
In-nies jimxu miegħek skont kif timxi magħhom.
Min ikun tassew irid, mhux se joqgħod jistaqsik.
Min ikun irid tassew jgħinek, ma joqgħodx jistaqsik għandekx bżonn l-għajnuna: jaqbad u jgħinek.
Meta l-qalb tuġa’, kull demgħa tixgħel xemgħa.
Meta jkollok qalbek maqsuma tkun iżjed sensittiv(a).
L-ilbies jagħmlek nies.
In-nies jirrispettawk skont kif tilbes u kemm tieħu ħsieb persuntek.
Bla xaħam ma tvarax.
Fid-dinja għandek bżonn il-ħbieb u l-kuntatti biex tirnexxi.
Il-ħbieb u l-qraba jidhru fil-waqt.
Il-ħbieb ta' veru u l-qraba li jimpurtahom minnek issibhom meta jkollok bżonnhom.
Kif tagħmel jagħmlulek.
Kif iġġib ruħek man-nies inti, hekk iġibu ruħhom huma miegħek.
Tikxifx għajnek man-nies.
Tmurx tikxef il-ħajja privata tiegħek man-nies.
Ġar mill-agħar fil-qrib tiegħek huwa saħta mkaħħla miegħek.
Ġar li ma jkunx minn tagħna jagħmillek ħajtek wisq diffiċli.
L-għawi ħu l-ġenn.
Ma tibqax tirraġuna jekk temmen dak kollu li tisma' fuq in-nies.
L-imħabbat iħabbat lil min imiss miegħu.
Min ikollu l-inkwiet jew ikun iħobb jaqla' l-inkwiet, jagħmel ħajjet kull min ikollu x'jaqsam miegħu diffiċli wkoll.
Kull ħaġa ħu ħsiebha.
Meta xi ħadd jagħmillek xi pjaċir, ikollok tagħmillu wieħed lura.
Il-ġara tgħallmek tgħix.
In-nies ta' madwarek jgħallmuk kif tħares l-interessi tiegħek.
Bil-kelma t-tajba sal-far joħroġ mit-tqajba.
Bil-ġentilezza jirnexxilek tieħu li trid mingħand xi ħadd.
Aħjar issuq erba’ żwiemel minn ħmar.
Aktar faċli tagħmilha ma' nies intelliġenti milli mal-injoranti.
Min jagħtihielek bi qronfla, agħtihielu b’warda; u min b’xewka, agħtihielu b’labra.
Ġib ruħek ma' ħaddieħor bl-istess mod li hu jġib ruħu miegħek.
L-inkwiet tal-ġara wara denb il-ħara.
Xi kultant bilfors jinqala' xi inkwiet mal-ġirien.
Aħfer lil kulħadd mhux lilek innifsek.
Ma' ħaddieħor kun qalbek tajba, imma miegħek innifsek kun strett.
Aħjar nuħħalti minn smid ġarti.
Aħjar dak li hu tiegħi, minkejja li tal-ġara forsi aħjar.
Il-ħabib dak li jaqbeż għalik.
Tinduna li xi ħadd tassew ħabib tiegħek meta jkun lest jaqbeż għalik.