Kif tagħmel jagħmlulek.
Min jibża’ jibqa’ d-dar.
Il-ħaġa tiegħi titkellem u minn tal-ġara mank tissellem.
Meta titlob l-għajnuna lill-ġirien ma tasalx, iżda meta jkollhom bżonn l-għajnuna huma jistennewha mingħandek.
Kif iżżomm ruħek, in-nies iżżommok.
Il-mod ta' kif tittratta lilek innifsek huwa riflessjoni ta' kif jittrattak ħaddieħor.
Bla ħbieb ma tagħmel xejn.
Mingħajr il-ħbieb ma tkunx tista' titlob pjaċir.
Li kieku l-għira kienet bażwija, kieku kulħadd bażwi.
Min jgħir ħafna għalik, jasal biex saħansitra jgħir ukoll għall-ħażin tiegħek.
Ħadd ma jidħaqlek għall-bjuda ta’ snienek.
Min joqgħod jgħaddilek il-kumplimenti u jżiegħel bik ikun qed jistenna xi pjaċir mingħandek.
Miġja tal-ġara ġġib il-ħsara.
Meta tara l-ġirien ġejjin iħabbtulek il-bieb, għid li ġej l-inkwiet.
Aħjar tgħix ġo girna waħdek milli f’palazz man-nies.
Aħjar tiegħek f'tiegħek f'ambjent umli milli f'ambjent sabiħ fejn ikollok isseffaq wiċċek man-nies.
Kulħadd ikollu xi jgħid kultant.
Jiġu drabi fejn ma naqblux ma' xi ħadd u jkollna xi ngħidu.
Dak li jkun tagħmillu mitt pjaċir u tonqsu darba kollox jispiċċa.
Għax tiżbalja mqar darba, in-nies jinsew il-pjaċiri kollha li tkun għamiltilhom qabel.
Il-ħabib dak li jaqbeż għalik.
Tinduna li xi ħadd tassew ħabib tiegħek meta jkun lest jaqbeż għalik.
Min ġie ferraħni, min ma ġiex serraħni.
Min ġie għandi fraħt bih, u min ma ġiex serraħli rasi għax ifisser li m'għandix inkwiet miegħu.
Tindaħalx fejn ma jesgħekx.
Agħmel l-affarijiet tiegħek u ħalli lil ħaddieħor bi kwietu.
Min dari jibgħathulek sħun, issa jibgħathulek biered.
Min qatt ma xtaqlek il-ġid qabel, mhux ser jixtieqlek il-ġid issa. Dari tfisser qabel.
Miġja tal-ġara ġġib il-ħsara.
Meta tara l-ġirien ġejjin iħabbtulek il-bieb, għid li ġej l-inkwiet.
Lil min issemmih lesti x’tagħtih.
Semmi lil xi ħadd u kumbinazzjoni tarah ġej.
Aħjar issuq erba’ żwiemel minn ħmar.
Aktar faċli tagħmilha ma' nies intelliġenti milli mal-injoranti.
Ladarba tbiegħed, nesa kulma wiegħed.
Il-wegħdiet malajr isiru u malajr jintesew.
Ħabibek jistrok u jgħattilek.
Il-ħbieb ta' veru jippruvaw jgħattulek l-iżbalji, għax jixtiqulek il-ġid. Jistrok tfisser jgħattik.
Min għandu l-ħbieb għandu kollox.
Min għandu l-ħbieb għandu min jgħinu jasal fejn irid.
Lil Ġaħan il-libsa għamlitu nies.
In-nies jirrispettawk skont kif tilbes u kemm tieħu ħsieb persuntek; l-ilbies saħansitra ġabar lil Ġaħan mill-injoranza tiegħu.