Il-ħbieb ta' veru huma dawk li ssibhom meta tiġi bżonnhom.
Min itik, jew ħadlek jew irid jeħodlok.
Fit-tgawdija kulħadd merħba bik, fit-tbatija kulħadd iħallik.
Meta kollox ikun sejjer sew iduru miegħek il-ħbieb, u meta kollox jibda sejjer ħażin jabbandunawk.
Aqta’ jiesek u berred bużbieżek.
Min ma jħobbokx mhux se jagħmillek pjaċiri.
Min ixaħħam jitlaħħam.
Min ixaħħam jasal fejn jixtieq.
L-għira bażwija.
Min jgħir ħafna għalik, jasal biex saħansitra jgħir ukoll għall-ħażin tiegħek.
L-ilbies jagħmlek nies.
In-nies jirrispettawk skont kif tilbes u kemm tieħu ħsieb persuntek.
Min jitma fil-ġar xejn ma jitma’ lil tad-dar.
Tistenniex għajnuna mingħand il-ġirien għax toħroġ diżappuntat.
Min jidħol għalik idħol għalih.
Min jgħinek meta tkun fil-bżonn, qis li tagħmel l-istess għalih.
L-ewwel li trid tagħmel ħbieb mal-kelb.
Aħjar tagħmel ħbieb ma' dawk ta' madwar xi ħadd li trid mingħandu.
Min dari jibgħathulek sħun, issa jibgħathulek biered.
Min qatt ma xtaqlek il-ġid qabel, mhux ser jixtieqlek il-ġid issa. Dari tfisser qabel.
Aħjar toqgħod f’gorboġ b’bieb għalik milli f’dar il-qabla, min ġej u min sejjer.
Aħjar tiegħek f'tiegħek f'ambjent umli milli f'ambjent sabiħ fejn ikollok isseffaq wiċċek man-nies.
Jekk mill-ħġieġ magħmula darek, titfax ħaġar lil ta’ ġarek.
Tgħajjarx lil ħaddieħor bid-difetti tiegħu, għax inti wkoll għandek id-difetti tiegħek.
Bil-kappell li kelli sellimtlek.
Għamilt għalik dak li stajt.
L-għawi ħu l-ġenn.
Ma tibqax tirraġuna jekk temmen dak kollu li tisma' fuq in-nies.
L-imħabbat iħabbat lil min imiss miegħu.
Min ikollu l-inkwiet jew ikun iħobb jaqla' l-inkwiet, jagħmel ħajjet kull min ikollu x'jaqsam miegħu diffiċli wkoll.
Il-ħniena kienet u tkun, inkella m’hemmx iżjed dinja.
Għandek tħenn għalik innifsek u għall-oħrajn fid-dinja.
Min jitlagħlek tarġa itlagħlu tnejn.
Tħalli lil ħadd jagħmel li jrid bik; anzi, min jipprova wrieh xi ssarraf darbtejn.
Bla qaddisin ma tmurx il-ġenna.
Fid-dinja għandek bżonn il-ħbieb biex tirnexxi.
Dak li jkun tagħmillu mitt pjaċir u tonqsu darba kollox jispiċċa.
Għax tiżbalja mqar darba, in-nies jinsew il-pjaċiri kollha li tkun għamiltilhom qabel.
Kif tiżra’ jinbitlek, kif issajjar tiekol.
Kif iġġib ruħek man-nies inti, hekk iġibu ruħhom huma miegħek.
Kif iżżomm ruħek, in-nies iżżommok.
Il-mod ta' kif tittratta lilek innifsek huwa riflessjoni ta' kif jittrattak ħaddieħor.