Agħmel l-affarijiet tiegħek u ħalli lil ħaddieħor bi kwietu.
Fid-dinja lkoll niġu bżonn xulxin.
Aħjar ħabib mal-kelb inkella ma’ sidu.
Aħjar tagħmel ħbieb ma' dawk ta' madwar xi ħadd li trid mingħandu.
Lil Ġaħan il-libsa għamlitu nies.
In-nies jirrispettawk skont kif tilbes u kemm tieħu ħsieb persuntek; l-ilbies saħansitra ġabar lil Ġaħan mill-injoranza tiegħu.
Dak li jkun tagħmillu mitt pjaċir u tonqsu darba kollox jispiċċa.
Għax tiżbalja mqar darba, in-nies jinsew il-pjaċiri kollha li tkun għamiltilhom qabel.
Il-ħbieb sal-bieb.
Il-kunfidenzi żejda m'għandekx xi tridhom, għax inkwiet iġibu magħhom.
Jekk mill-ħġieġ magħmula darek, titfax ħaġar lil ta’ ġarek.
Tgħajjarx lil ħaddieħor bid-difetti tiegħu, għax inti wkoll għandek id-difetti tiegħek.
Bla ħbieb ma tagħmel xejn.
Mingħajr il-ħbieb ma tkunx tista' titlob pjaċir.
Aħjar kisra sewda d-dar milli għasel għand il-ġar.
Tajjeb li tkun kuntent b'li għandek minflok tiddependi fuq ħaddieħor jew tixtieq tiegħu.
Dejjem jagħtu donnhom kelb u qattus.
Ma jiqfux jiġġieldu.
Min dari jibgħathulek sħun, issa jibgħathulek biered.
Min qatt ma xtaqlek il-ġid qabel, mhux ser jixtieqlek il-ġid issa. Dari tfisser qabel.
Il-ħbieb u l-qraba jidhru fil-waqt.
Il-ħbieb ta' veru u l-qraba li jimpurtahom minnek issibhom meta jkollok bżonnhom.
Ħabib kulħadd u ħabib ħadd.
Aħjar ma tagħtix kunfidenzi żejda u tittratta lil kulħadd l-istess.
Bħalma lilek hekk lil għajrek.
Qis li tħobb lill-proxxmu tiegħek, bħalek innifsek.
Dak li ma jgħinekx fil-waqt la titmax fih u lanqas qatt m’għandek taqa’ għalih.
Meta jkollok bżonn l-għajnuna ta' ħabib u ma ssibux, tibqax tisforza biex iżżomm ħbiberija falza. Titmax ifisser li ma turix tama.
Għajnejn żoroq jisirqu n-nies mit-toroq.
Min hu għajnejh blu jsaħħrek u jagħmel bik li jrid. Żoroq tfisser blu.
Ħares tajjeb lil darek u la tħallilx lil ġarek.
Ħu ħsieb l-affarijiet tiegħek u twaqqax lil ħaddieħor fit-tentazzjoni billi tħalli oġġetti ta' valur fid-deher.
Kif tagħmel issib.
Kif iġġib ruħek man-nies inti, hekk iġibu ruħhom huma miegħek.
La ddardarx l-għajn li trid tixrob minnha.
Qis li ma jkollokx xi tgħid - jew tbiegħed minnek - lil min għandek bżonn jew li għad tiġi bżonnu fil-futur.
Tindaħalx fejn ma jesgħekx.
Agħmel l-affarijiet tiegħek u ħalli lil ħaddieħor bi kwietu.
Bħalma jdaħħqek ibikkik.
Il-ħbieb kapaċi jferrħuk daqs kemm kapaċi jqabbduk id-dwejjaq.
Ħadd ma jagħmel xejn għal xejn.
Min jagħmel xi ħaġa jkun qed jistenna xi ħaġa lura tagħha.