Raġel li ma jkun kapaċi għal xejn, aħjar ma juri wiċċu mkien.
Raġel bla ħila, ma jiswiex tebaq fwiedu.
Xi wħud mill-qwiel b’rabta man-nisa u l-irġiel jagħtuna perspettiva antikwata tar-rwoli tagħhom fis-soċjetà, u ma jirriflettux neċessarjament il-valuri moderni. Ħudhom għaldaqstant minn lenti storika. Apprezza r-rikkezza lingwistika u kulturali waqt li żżomm f’moħħok li ż-żminijiet u l-attitudnijiet inbidlu.
Mara sabiħa, ġmielha jibqa’ sakemm titlef ġieħha.
Mara tibqa’ sabiħa jekk tagħraf tkun onesta.
Il-wiċċ fil-mara jikxef il-ġieħ.
Minn ħarsitha tinduna mara hix tal-affari tagħha.
In-nisa xibka tax-xitan.
In-nisa kapaċi jqarrqu bik daqs ix-xitan.
Debba bla lġiem tiġġarraf.
Il-mara għandha toqgħod attenta f'dak li tagħmel biex ma jiddispjaċihiex.
It-twieqi jżejnu l-palazzi.
Minn għajnejn (= it-twieqi) persuna, tara l-ġmiel tagħha.
Aħjar mara ratba minn mara qaħba.
Mara għażżiena aħjar minn mara diżonesta.
Raġel ħażin, u int eħżen minnu, tixtri ħobż u taħbilu minnu.
Trid tkun iżjed makakk mill-makkak biex tirbaħlu.
Il-mara dellha tqil.
Il-mara tinqabad mal-inqas ħaġa li tagħmel.
Raġel ma jitqiesx bix-xiber.
Il-kumplessità tal-karattru ta’ dak li jkun hija kbira ħafna.
Il-mara ġabbara hi l-għana ta’ darha.
Bis-saħħa tal-mara bieżla li tieħu ħsieb, il-familja tgħix kuntenta.
In-nisa sbieħ biex tħares lejhom.
In-nisa sbieħ mhux dejjem ikollhom karattru sabiħ.
Id-dmugħ f’għajnejn in-nisa sponża.
In-nisa joqogħdu jibku biex jagħmlu bik li jridu.
Il-mara tad-dnub b’ħilitha stess iddub.
Il-prostituta waħedha tinqered.
Il-mara taf tgħollik fis-sema u taf titfgħek l-infern.
Il-mara kapaċi tagħmel il-ħajja tar-raġel sabiħa daqs kemm hi kapaċi tagħmilha kerha.
Meta xebba xawwatha tgħatti, ħajjitha opra bi tliet atti.
Meta xebba tieħu ħsieb li ġġib ruħha b'mod deċenti (= tgħatti xawwatha), ma tiżbaljax u tgħix kuntenta bla dispjaċiri.
Mara tagħmillek sold dejn, u oħra tagħmillek sold tnejn.
Hemm nisa li jberbqu flus kemm jifilħu, u oħrajn li jibżgħu għalihom.
Lil ibnek kif trabbih u ‘l żewġek kif iddarrih.
Il-mara trid iddarri r-raġel mod ieħor min kif kien jagħmel għand ommu, u t-tfal jikbru skont kif trabbihom.
Tifel, żagħżugħ jew xiħ, id-dinja xorta ddur għalih.
L-irġiel ħajjithom kollha iżjed liberi min-nisa.
Meta l-mara tkun se tobloq, bi ħsiebha, terġa’ tixtieq toħloq.
Madwar l-età ta' ħamsin sena, in-nisa terġa' tiġihom ix-xewqa jsiru ommijiet.
Il-mara tqila tirbaħ il-għażż u titlef il-ħila.
Hemm bżonn li mara tqila tistrieħ u mhux taħdem.