Qatt ma tobsor meta l-inkwiet jiġi fuqek.
Min iħobb il-bajtar xitli ma jridx jibża’ mix-xewk; min iħobb mara miżżewġa ma jridx jibża’ minnha l-mewt.
Min isir iħobb mara miżżewġa jidħol f'ħafna inkwiet u għandu jkun lest ibati l-konsegwenzi tal-għira ta' żewġha.
B’mitt sena ħsieb ma traqqax geżwira.
Wettaq dak li tkun ippjanajt.
Jekk jista’ jkun eqred sal-irmied tal-kenur.
Biex tneħħi biċċa inkwiet minn fuq moħħok, ara li ssolvi l-problema mill-qiegħ.
L-għali ma jħallasx dejn.
L-inkwiet ma jsolvix problemi, eħles minnu.
Biex bniedem ma jkollux inkwiet f’ħajtu hemm bżonn li ma jitwelidx.
L-inkwiet parti mill-ħajja.
Meta tiġi iftħilha l-bieb.
Ladarba jibda l-inkwiet, tistħajlu mhu ser jieqaf qatt.
L-għali jkun imsiefer u jiġi fuqek bla waqt.
L-inkwiet jiġi fuqek mingħajr ma tkun qed tistennieh.
Il-bniedem l-inkwiet joqtlu mhux ix-xogħol.
Huwa l-inkwiet li jagħmel ħsara lill-bniedem, mhux ix-xogħol.
Meta t-titwib hu għali għali, jew il-ħall ħażin jew il-botra għali.
Superstizzjoni li meta tittewweb b'ħalqek miftuħ, sinjal li tkun ser tiġri xi ħaġa kerha jew ikun ġej xi korriment (= botra) fit-tqala.
Il-ħabs mimli bl-innoċenti u l-kannierja bil-kaġuni.
Hemm min l-ewwel jaqla' l-inkwiet imbagħad jgħid li ma kienx tort tiegħu, bħal xi ħadd li jgħid li spiċċa l-ħabs bla ħtija imma li l-vittma tiegħu tkun spiċċat fil-kannierja (post fejn kien jintefa' l-għadam tal-mejtin).
Id-dinja kollha slaleb.
L-inkwiet parti mill-ħajja.
Min idaħħal il-lifgħa f’kommtu ttemmu.
Min imur ifittex l-inkwiet, isibu u jbati ħafna.
Meta jinxfu l-għejun, ikunu nixfu.
Ladarba jibda l-inkwiet ma jkun irid jieqaf b’xejn.
Għaddi ‘l bogħod minn min ikisser il-ħatab, miż-żebbiegħ u mill-bajjad.
Jekk tmiss ma' ċertu tip ta' nies tispiċċa fl-inkwiet.
La l-għoqda tasal fil-moxt, jew tinqata’ l-ħajta jew tinkiser is-sinna.
Kull biċċa inkwiet teskala sat-tali punt li l-affarijiet ikollhom jew imorru f'ċerta direzzjoni jew f'oħra.
L-għali jkun imsiefer.
Qatt ma tobsor meta l-inkwiet jiġi fuqek.
Aħjar tħawwad moħħok minn soddtok.
Solvi l-problemi qabel ma tmur torqod.
La kull hemm jhemm u la kull semm isemm.
Il-problemi fil-ħajja huma sors ta' tagħlim. Hemm tfisser ħsara u jhemm huwa verb li jfisser tagħmel ħsara. Semm tfisser velenu u jsemm huwa verb li jfisser tivvelena. Mela mhux kull ħsara tagħmel ħsara u mhux kull velenu jivvelena.
Min irabbi l-klieb ma jkunx raġel tal-ħsieb.
Min irabbi l-klieb ma jkollux inkwiet, mhux bħal min irabbi t-tfal.
L-għali ma jħallasx dejn.
L-inkwiet ma jsolvix problemi, eħles minnu.