Huwa l-inkwiet li jagħmel ħsara lill-bniedem, mhux ix-xogħol.
Min ifittex ksur il-għonq isibu dlonk.
La kull hemm jhemm u la kull semm isemm.
Il-problemi fil-ħajja huma sors ta' tagħlim. Hemm tfisser ħsara u jhemm huwa verb li jfisser tagħmel ħsara. Semm tfisser velenu u jsemm huwa verb li jfisser tivvelena. Mela mhux kull ħsara tagħmel ħsara u mhux kull velenu jivvelena.
Fl-aħħar tal-mazzita ssib il-qanċlita.
Wara li kollox ikun mar sew, fl-aħħar naqra jinqala' l-inkwiet.
Min jittarraf jiġġarraf.
Min imur ifittex il-periklu jew l-inkwiet malajr isibu.
Meta t-tiġieġ imorru fuq in-nuħħala jgerfxuha.
Xi nies jaqilgħu l-inkwiet kull fejn imorru.
Kulma jkollok għall-inkwiet.
Kollox fil-ħajja joħloqlok l-inkwiet, tista' ma tara xejn.
Il-ħabs mimli bl-innoċenti u l-kannierja bil-kaġuni.
Hemm min l-ewwel jaqla' l-inkwiet imbagħad jgħid li ma kienx tort tiegħu, bħal xi ħadd li jgħid li spiċċa l-ħabs bla ħtija imma li l-vittma tiegħu tkun spiċċat fil-kannierja (post fejn kien jintefa' l-għadam tal-mejtin).
Ibża’ minn min hu battal.
Xi ħadd li ma jkollux x'jagħmel warrablu, għax malajr iġibek fl-inkwiet.
Fejn tara l-għajn ħażina terġax tmur.
Evita li tmur fejn diġà taf li ser issib l-inkwiet.
Il-forsi raġel ħażin.
Id-dubji dejjem sors ta’ inkwiet.
Min irabbi l-klieb ma jkunx raġel tal-ħsieb.
Min irabbi l-klieb ma jkollux inkwiet, mhux bħal min irabbi t-tfal.
Għaddi ‘l bogħod minn min ikisser il-ħatab, miż-żebbiegħ u mill-bajjad.
Jekk tmiss ma' ċertu tip ta' nies tispiċċa fl-inkwiet.
Ħeles mill-miżieb u weħel fil-qattara.
Ma ħelishiex: irnexxielu jegħleb biċċa inkwiet, biex issa reġa' sab inkwiet ieħor ma' wiċċu.
Id-dinja ta’ min jaf jeħodha.
Min jaf jieħu l-ħajja kif tiġi jkollu inqas inkwiet.
Min iħares bgħid jaqa’ qrib.
Min jinkwieta fuq dak li għad jiġri fil-futur jispiċċa ma jsolvix il-problemi li għandu issa. Bgħid tfisser 'il bogħod.
Meta niftakar fiex jien, ninsa kif kont.
Dak li qed jinkwetani bħalissa nessieni l-inkwiet kollu ta' qabel.
Kulħadd iħoss tiegħu.
Kulħadd l-inkwiet tiegħu jara, mhux tal-oħrajn.
Meta t-titwib hu għali għali, jew il-ħall ħażin jew il-botra għali.
Superstizzjoni li meta tittewweb b'ħalqek miftuħ, sinjal li tkun ser tiġri xi ħaġa kerha jew ikun ġej xi korriment (= botra) fit-tqala.
L-għorab bi ħsieb oħrajn swied.
Ħu ħsieb l-inkwiet tiegħek u ħallik mill-inkwiet ta' ħaddieħor.
Għasfur li jħobb jiġġerra, dur dur jinqabad.
L-inkwiet iġġibux b'idejk.
Il-forsi raġel ħażin.
Id-dubji dejjem sors ta’ inkwiet.