Koppja miżżewġa bit-tfal tgħix iżjed kuntenta minn koppja bla tfal.
Min iżżewweġ reġa’ bdielu u l-ġuvni l-qamel kielu.
Meta tkun se tiżżewweġ, jekk ma tkunx miġnun, tiftakar li għad trid tbennen u tiġġennen.
Il-ħajja miżżewġa u t-trobbija tat-tfal jitolbu sagrifiċċji kbar.
Il-musbieħ ġewwa l-imnara u l-għarusa ġewwa darha.
Wara li tiżżewweġ, mara għandha tmur toqgħod ma' żewġha mhux tibqa' d-dar t'ommha u missierha.
Min iħobbok fih xi tħobb.
Min jurik li jħobbok għandek turih li tħobbu inti wkoll.
L-imħabba twaħħad il-fehma mal-qalb.
Bl-imħabba tgħix kuntent.
Iż-żwieġ rabta bl-ilsien li ma jħollha ebda żmien.
Ir-rabta taż-żwieġ tinħall biss bil-mewt.
Meta l-faqar jidħol mit-tieqa, l-imħabba toħroġ mill-bieb.
Il-faqar jaf ikisser l-imħabba.
Min iżżewweġ u reġa’ bdielu; min baqa’ ġewwa xejn ma swielu.
Min iżżewweġ iddisjpaċieh u ma min ma żżewwiġx iddispjaċieh ukoll, jiġifieri fid-dinja m'hemmx kuntentizza.
Meta xebba tkun għarusa, tibda taħseb għaliha nfusha.
Dari meta xebba titgħarras, kien jeħtieġ taħsbilha għad-dota.
Jekk toħroġ il-vara, ikollok idaħħalha.
Fiż-żwieġ kulħadd responsabbli minn dak kollu li tagħmel martu jew żewġu.
Agħti l-għanja ta’ mħabbtek qabel ma d-dinja tibda tħabbtek.
Fittex l-imħabba meta tkun għadek żagħżugħ, u ma tkunx taf x’inhu l-inwkiet.
Għal ratal laħam ma jaqbilx tixtri baqra.
Fiż-żwieġ is-sitwazzjonijiet diffiċli huma ħafna iżjed komuni minn dawk faċli, mela tagħżilx lil martek jew żewġek skont l-apparenza biss.
L-aħjar taż-żwieġ mill-kelma sat-tieġ.
Żmien l-għerusija (= meta tagħti kelma) huwa ħafna isbaħ mir-realità diffiċli taż-żwieġ.
Aqra xortik u ara mħabbtek kemm ittik.
Fl-imħabba jaf tkun xortik tajba jew xortik ħażina.
Iż-żwieġ kaxxa magħluqa.
Ma tistax tkun taf minn qabel kemm se jirnexxi ż-żwieġ, bħal kaxxa magħluqa li ma tkunx taf x'fiha.
Bewsa mingħajr tgħanniqa donnha warda mingħajr fwieħa.
Bewsa tkun tfisser iżjed meta tiġi b'tgħanniqa.
Iż-żwieġ qabel ma jinkiteb fl-art, ikun miktub erbgħin ġurnata qabel fis-sema.
Iż-żwieġ ikun diġà rieda t'Alla qabel isir fl-art.
L-ikel gosti, l-ilbies namuri u ż-żwieġ konġunturi.
Ma tistax tkun taf minn qabel kemm se jirnexxi ż-żwieġ, skont ix-xorti (= konġunturi).
Li kont nafek qatt ma daħħaltek f’darek.
Ma tistax tkun taf minn qabel kemm se jirnexxi ż-żwieġ, jista' jkun li wara kollox iddejqek il-persuna li tkun iżżewwiġt.
Min iħobbok fih xi tħobb.
Min jurik li jħobbok għandek turih li tħobbu inti wkoll.
Kulħadd jifraħ bl-għarusa tiegħu.
Kulħadd jifraħ b'dak li għandu - l-għarus(a), ix-xogħol, id-dar, il-familja, eċċ.