Sib raġel li jkun ikbar minnek fl-età għax jibqa' jridek.
Iż-żwieġ kaxxa magħluqa.
Min iħobbok jhennik, biss xi darba jbikkik.
Min iħobbok iferrħek, iżda xi darba jasal biex iweġġagħlek qalbek ukoll.
Meta l-faqar jidħol mit-tieqa, l-imħabba toħroġ mill-bieb.
Il-faqar huwa sors ta' xkiel għall-imħabba.
Iz-zakak jaqbeż u jitfarfar iżda l-ħmiem iżoqq u jgargar.
Min ma jiżżewwiġx (= iz-zakak, tip ta' għasfur) jgħaddi ħajja sabiħa, u min jiżżewweġ (= il-ħmiem, tip ieħor ta' għasfur) għandu responsabbiltajiet u problemi biss.
Aqra xortik u ara mħabbtek kemm ittik.
Fl-imħabba jaf tkun xortik tajba jew xortik ħażina.
Jekk toħroġ il-vara, ikollok idaħħalha.
Fiż-żwieġ kulħadd responsabbli minn dak kollu li tagħmel martu jew żewġu.
Meta l-faqar jidħol mit-tieqa, l-imħabba toħroġ mill-bieb.
Il-faqar jaf ikisser l-imħabba.
Min jagħmel daru fi xjuħitu jħalli lħitu.
Meta jiżżewweġ kbir ikollu iżjed problemi fiż-żwieġ, probabbilment għax ikollu iżjed esperjenza tal-ħajja.
Il-qamar jekk tfittxu jfittxek, jekk ma tfittxux ma jfittxekx.
Superstizzjoni ta' dari fejn kienu jemmnu li l-qamar jaffettwa l-aptit sesswali tal-mara, iżda jekk il-mara ma turix interess fir-raġel il-qamar m'għandux setgħa.
Il-musbieħ ġewwa l-imnara u l-għarusa ġewwa darha.
Wara li tiżżewweġ, mara għandha tmur toqgħod ma' żewġha mhux tibqa' d-dar t'ommha u missierha.
Għarusa ġdida kulma tmiss ifuħ.
Meta tkun għadek kemm iżżewwiġt kollox ikun għadu ġdid u sabiħ.
Min iħobb, ibati.
L-imħabba ġġib magħha ħafna wġigħ ta' qalb.
Fiż-żwieġ tfittixx is-sorra, fittex xebba fqira u ħorra.
Fiż-żwieġ għandek tfittex l-onestà mhux il-flus. Is-sorra tfisser il-flus u ħorra tfisser onesta.
M’hemmx għalfejn tkun ħażin biex idduq it-tin.
Ir-relazzjonijiet sesswali mhumiex biss promiskwità. It-tin jirreferi għall-warrani.
Meta ssir ir-rabta taż-żwieġ, l-omm taħseb għal dak li hu meħtieġ.
Dari l-omm kien ikollha tibda taħseb għad-dota meta bintha tasal biex tiżżewweġ.
Aqra xortik u ara mħabbtek kemm ittik.
Fl-imħabba jaf tkun xortik tajba jew xortik ħażina.
Iż-żwieġ fih lagħqa għasel u bettija morr.
Iż-żwieġ fih iżjed esperjenzi koroh milli sbieħ.
Dar ta’ ksir il-għonq tħarisx lejha.
Tiżżewwiġx lil min għandu l-inkwiet fil-familja.
Iddoqq lill-għarusa biex tiżfen il-qattusa.
In-nies jippruvaw iġegħluk temmen li qed jagħmlu xi ħaġa għal skop, mentri fil-verità jkollhom skop ieħor f'moħħhom.
Agħti ruħek għan-namur u d-dinja ħalliha ddur.
Ħobb lil min trid u ħalli n-nies jgħidu.
Meta żżewwiġt bdielek, meta bqajt għażeb il-qamel kielek.
Ħadd mhu kutent bl-għażliet tiegħu; dawk li żżewġu ddispjaċiehom, u anke dawk li ma żżewġux. Għażeb huwa raġel mhux miżżewweġ.