Il-qoton ma jbatix fix-xemx qawwija, iżda l-umdità (= tniddija) tagħmillu ħażin.
Min jaħrat u jtenni, jaħsad u jgħanni.
Il-bagħal issemmnu jagħtik bis-sieq.
Tagħmel il-ġid ma' xi ħadd u minflok jibqa' jafhulek, jagħmillek il-ħsara.
Meta d-dielja toħroġ ir-rimja tfakkarna fil-Wirja.
Meta d-dielja tibda tarmi, niftakru fil-Wirja tal-Imnarja (li tiġi fid-29 ta' Ġunju).
In-nies tal-art sriep tal-art.
Il-bdiewa, bħas-sriep, jitwieldu u jmutu fl-għalqa għax dik ħajjithom.
Dik il-ġezza ma tiġix minn dik il-mogħża.
Ħadd ma jagħmel xogħol bla ħlas.
Iż-żrigħ u t-tilqim fil-qamar qadim.
Għandek tiżra' u tlaqqam meta jkun qamar qadim (jew xiħ), jiġifieri l-qamar ikun lejn l-aħħar tax-xahar tiegħu qabel jintilef.
Meta xxebba’ fl-ilma taflija, kull sbula tagħmel mija.
L-isbul jikber ġmielu meta l-ħamrija taflija tixrob ħafna ilma.
Fis-sajd lil min għarusa u lil min għaġuża.
Is-sajjied daqqa xortih tajba u daqqa xortih ħażina. Għarusa tirreferi għal tfajla mentri għaġuża tirreferi għal mara xiħa.
Bajda ta’ serduq naqra naqra leħinha jsir maħnuq.
Meta l-bajd taħt il-qroqqa jibda jiżviluppa fi flieles, jibda jitlef il-kulur.
Aħjar ponn ta’ bettieħa tajba minn waħda kbira u ħażina.
Il-kwalità għandha dejjem tiġi qabel il-kwantità.
Ir-raba’ jrid il-ħames.
Tajjeb li jkollok l-għelieqi, iżjed trid lil min jaħdimhom ukoll.
Il-borma ma ssirx mingħajr nar, lanqas l-art tagħti mingħajr bżar.
Jeħtieġ li l-ħamrija tiddemmel sew biex il-frott u l-ħaxix joħorġu sbieħ. Bżar tfisser demel.
Fis-sajd lil min għarusa u lil min għaġuża.
Is-sajjied daqqa xortih tajba u daqqa xortih ħażina. Għarusa tirreferi għal tfajla mentri għaġuża tirreferi għal mara xiħa.
Derra d-dqiq u ġabar in-nuħħala.
Ta aktar kas ta' xi ħaġa li mhix importanti u nesa ħaġa oħra iżjed importanti.
Iż-żrigħ bikri tista’ tibni, għall-imwaħħar ikollok tbaħħar.
Jekk tiżra’ wisq tard fl-istaġun ikollok bżonn miraklu biex tieħu xi ħaġa. Imwaħħar tfisser tard. Tbaħħar jiġifieri tkeċċi l-ispirti l-ħżiena.
In-naspla saret u ċ-ċawla taret.
Meta ċ-ċawl ipassi, dan ifisser li jkun sar in-naspli wkoll.
Bis-sagħtar u l-ħatar, u l-ħin kollu jitmatar.
Ir-ragħaj m'għandux xogħlu impenjattiv ħafna meta tqabbel ma' xogħlijiet oħra.
Is-sahra twila għax spiċċat il-qargħa twila.
Il-bdiewa għandhom ġranet tax-xogħol twal ħafna fis-sajf, żmien fejn ma tikbirx il-qargħa twila. Għalhekk jagħmlu s-sahra.
Il-ksir fir-raba’ ħass id-dar.
Jeħtieġ li tiżra' ż-żerriegħa tal-ħass wara li tkun ħdimt il-ħamrija.
Min ikollu għalqa mal-baħar irid oħra r-raħal.
Dari l-bidwi kien isibha iktar bi tqila jasal sal-għalqa li tkun fejn il-baħar, u allura kien ikollu oħra aktar viċin ta' daru biex jgħajjex il-familja biha.
Jekk jiġi ma jiġix u jekk ma jiġix jiġi.
Jekk jiġi l-għasfur jeqridlek l-uċuħ tar-raba', il-bejgħ ma jiġix; jekk l-għasfur ma jiġix jeqridlek l-uċuħ tar-raba', il-bejgħ jiġi.